Ambjent Lokali

Jopponu t-trasferiment tat-tankijiet

“Malta u l-Marsin jixirqilhom aħjar.” – Huwa dan il-messaġġ li wasslu r-residenti tal-Marsa flimkien ma’ Moviment Graffitti, Flimkien għall-Marsa Aħjar u diversi għaqdiet oħrajn.

Deċiżjoni sigrieta biex jiġu relokati tankijiet tat-tindif taż-żejt għall-Marsa se tipperikola s-saħħa u l-ħajja tan-nies. Ir-residenti tal-Marsa huma inkwetati ħafna bid-deċiżjoni ta’ malajr li t-tankijiet kbar taż-żejt, se jkunu relokati fil-Marsa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sindku Laburista Josef Azzopardi, Maria Attard, mill-Għaqda Storika Kulturali tal-Marsa, Andre’ Callus mill-Moviment Graffitti u il-Prof. Arnold Cassola intqal li din id-deċiżjoni, li ttieħded minn wara l-kwinti, se tkun ta’ detriment għas-saħħa t’eluf ta’ nies li jgħixu u jaħdmu fil-Marsa u għalhekk għandha tiġi immedjatament irrevokata.

It-tindif tat-tankjijet taż-żejt huwa perikoluż ħafna u l-proċess jaf jikkawża tniġġiż kif ukoll splużjonijiet fatali.

Ir-residenti u l-għaqdiet indirizzaw diversi mistoqsijiet diretti lill-Gvern wara li ħa din id-deċiżjoni mingħajr ebda konsultazzjoni jew studji li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-residenti tal-Marsa u bosta gruppi u għaqdiet qed jiddikjaraw li se jopponu bil-qawwa kollha dan it-trasferiment tat-tankijiet. Is-saħħa, is-sigurta’ u l-benesseri tar-residenti għandhom jiġu qabel l-interessi ekonomiċi privati. Huma saħqu li din il-lokalità ilha ġġarrab ħafna problemi ta’ tinġiż minħabba ċerti attivitajiet u issa, hemm bżonn, b’mod urġenti li jkun hemm pjan sostenibbli li jtejjeb il-kwalità tal-arja, l-ispazji miftuħa u bosta nħawi oħra sabiex ir-residenti jħossuhom aħjar u siguri… u li jgħin biex il-ħajja u l-identità ta’ din il-belt terġa’ tieħu r-ruħ.