Futbol Sport

Rebħiet konvinċenti għal Leeds United u Southampton

(Ritratt: EPA)

Leeds United kisbu rebħa mill-aktar impressjonanti, 4-0, kontra Burnley f’Turf Moor bit-tim ta’ Marcelo Bielsa juri l-aħjar logħob tiegħu fit-tieni taqsima fejn kien ippremjat bi tliet gowls ta’ kwalità kbira. L-ewwel taqsima kienet pjuttost kumbattuta iżda l-gowl ta’ Mateusz KLICH eżatt qabel il-mistrieħ donnu kisser kompletament il-moral tal-Clarets li ma dehrux l-istess tim fit-tieni 45 minuta. Fil-fatt u minkejja li Burnley ippruvaw iwettqu reazzjoni kmieni fit-tieni taqsima kien Jack HARRISON (60 ) li rdoppja għal Leeds bi flick għal ġor-rokna tax-xibka fuq l-azzjoni ta’ Ezgjan Alioski. Intant kellu jkun is-sostitut RODRIGO – li daħal jilgħab minflok Patrick Bamford – li ssiġġilla l-‘poker’ għall-Yorkshiremen b’żewġ gowls oħra (77, 79 ) li għalqu kull diskors u bit-tim ta’ Sean Dyche jibqa’ bla risposta.

Southampton ukoll kisbu rebħa komda, 3-1, fuq Fulham f’St Mary’s Stadium u għal riżultat li konkluda ġimgħa mill-aktar miżerabbli għall-Cottagers li kienu tilfu posthom fl-ogħla diviżjoni ftit tal-jiem ilu. Is-Saints kienu superjuri f’kull dipartiment u fis-27 minuta il-freekick ta’ James Ward-Prowse sab lil Che ADAMS żmarkat biex isammar ġewwa mill-viċin. Is-Saints komplew ikunu perikolużi iżda kellhom jistennew sas-60 minuta biex jirduppjaw meta ż-żgħażugħ Nathan TELLA ġera għal fuq il-cross fil-baxx ta’ Kyle Walker-Peters biex jegħleb mill-ġdid lill-gowlkiper Areola. Intant Fabio CARVALHO – li kien qed jiddebutta għal Fulham – naqqas id-distakk fil- 75 minuta, iżda tmien minuti mit-tmiem, Southampton żiedu l-vantaġġ mill-ġdid meta backheel ta’ Tella sab lis-sostitut Theo WALCOTT f’pożizzjoni tajba, bl-attakkant Ingliż ivenven xutt qawwi minn tarf il-kaxxa għal gowl numru tlieta.

Fl-Ammex Stadium, Brighton u West Ham temmew fi draw ta’ 1-1. L-ewwel gowl tal-partita wasal fl-84 minuta permezz ta’ DANNY WELBECK, biex tliet minuti mit-tmiem SAID BENRAHMA salva punt għall-Hammers.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa: Newacstle v Man City 3-4, Illum: Burnley v Leeds 0-4, Southampton v Fulham 3-1, Brighton v West Ham 1-1 Għada: C’Palace v Aston Villa 1.00pm, Tottenham v Wolves 3.05pm, West Brom v Liverpool 5.30 pm, Evertom v Sheff’ Utd 8.00pm