Knisja Lokali

Żewġ seminaristi jieħdu l-ordinazzjoni djakonali

Is-Sibt filgħodu fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-ordinazzjoni ta’ żewġ djakni ġodda. Iż-żewġ seminaristi huma Sean Abela mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, u Jean Claude Attard mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn.

Fl-omelija, l-Arċisqof qal li r-relazzjoni taż-żewġ djakni ma’ Ġesù “hija u trid tkun dejjem relazzjoni ta’ mħabba”.

Huwa qal li permezz ta’ din l-ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd.

L-irwol tad-djaknu hu li jiddedika ħajtu għall-qadi bl-imħabba fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar dak tal-Ewkaristija. Huwa jamministra s-sagrament tal-magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi l-funerali.