Lokali

Andrew jagħmel l-ewwel passi tiegħu fil-klassi wara għomru fuq siġġu tar-roti

Il-kelb, Ilio mexa pass pass ma' Andrew, viżibilment ferħan iferfer denbu

Ftit kienu jaħsbu li Andrew se jirnexxilu jibda jimxi, iżda anke jekk bl-użu tal-krozzi, għall-ewwel darba fi tmien snin, hu għeleb kull diffikultà li sab quddiemu u rnexxilu jagħmel l-ewwel pass fil-klassi tiegħu mingħajr l-użu tas-siġġu tar-roti! U ma jistax jonqos li miegħu kellu lil kelb Ilio kontinwament jagħtih is-sapport biex ma jaqtax qalbu, daqslikieku kien jaf li dan hu mument kbir għal Andrew.

It-tifel twieled bil-kundizzjonijiet ta’ spina bifida u scoliosis li jikkawżaw li s-sinsla tad-dahar ma tiżviluppax sew qabel it-twelid. Dan b’riżultat li wieħed kważi ma jkollux sensazzjoni mill-qadd ‘l isfel tant li hi ferm diffiċli li jimxi bħal kull persuna oħra.

Għall-aħħar tmien snin, Andrew kien imur minn post għall-ieħor permezz tal-użu ta’ siġġu tar-roti iżda hu dejjem xtaq li jkun liberu u b’hekk, id-determinazzjoni waslitu biex jibda jagħmel l-ewwel passi tiegħu ‘l bogħod mill-fiżjoterapija. Tant hu hekk li beda jagħmel dan fl-iskola li jattendi, San Andrea.

Biex jimxi, Andrew kellu bżonn krozzi magħmulin għal tal-apposta għalih u apparat ieħor b’sapport għal saqajh. Is-suċċess għal dan il-mument speċjali għal Andrew wasal wara sigħat twal ta’ fiżjoterapija, liema terapija bdiet tingħata minn mindu t-tifel kien għadu tarbija.

Net News iltaqa’ ma’ Andrew fejn qalilna kemm ħassu kuntent mal-ewwel passi li għamel fl-iskola tiegħu, San Andrea. Għal kull ħaġa li jagħmel, Andrew qatt ma jaqta’ qalbu u dejjem determinat biex jasal fejn jixtieq. Fil-fatt, minkejja li għad għandu biss tmien snin, it-tifel qed jimmira għal professjoni partikolari!

“President,” ħatafni fil-kelma Andrew.

U bla dubju ta’ xejn li Andrew diġa’ qed jispira li bħal Julian Bajada, jipparteċipa fil-Paralympics fis-sezzjoni tal-għawm.

U l-iktar ħaġa li jħobb? Bla dubju ta’ xejn l-annimali li tant qed jgħinuh matul dan il-vjaġġ – il-klieb li dejjem kienu hemm għas-sapport u ż-żwiemel hekk kif il-horse-riding jgħinu biex iżomm il-bilanċ.

“L-annimali l-iktar li nħobb u la nsir president se jkolli kelb ħin kollu miegħu, gremxula u nirkeb iż-żwiemel biex immur minn post għall-ieħor,” qal determinat Andrew.

Biex jimxi, Andrew kellu bżonn krozzi għal tal-apposta għalih u apparat ieħor b’sapport għal saqajh. Is-suċċess għal dan il-mument speċjali għal Andrew wasal wara jiem twal ta’ fiżjoterapija, liema terapija bdiet tingħata minn mindu t-tifel kien għadu tarbija.

Andrew jixtieq li jkun indipendenti u b’hekk dan kien l-ewwel pass għal-libertà.

Ma jistax jonqos li ħut Andrew – Amy u Alex – ikunu dejjem maġenbu, jagħtuh l-appoġġ biex jibqa’ miexi ‘l quddiem… anke jekk dan ġieli ma jkunx daqshekk faċli. Ommhom, Rachel qaltilna li l-importanti li wieħed iżomm ottimist.