Internazzjonali

Covid-19: It-tilqim fl-Ingilterra qed jingħata lill-persuni ta’ ‘il fuq minn 35 sena

L-awtoritajiet tas-saħħa fl-Ingilterra f’dawn il-jiem se jkunu qed jagħtu t-tilqima għal kontra l-coronavirus lill-persuni ta’ 35 sena u aktar.

Dan waqt li s-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, irrefera għall-miżuri għat-tnaqqis tal-lockdown li jsiru effettivi llum fl-Ingilterra fejn sostna li l-miżuri se jkunu realizzati minħabba ‘l-ispinta u s-suċċess’ tal-programmi għat-tilqim tal-poplu.

Ir-restrizzjonijiet, intant, qed jitneħħew ukoll fl-Iskozja u f’Wales u n-nies qed ikunu mwissija biex ikunu kawti f’sitwazzjonijiet fejn iridu jitħalltu ma’ nies oħrajn.

Fl-istess ħin hemm ukoll tħassib dwar l-impatt tal-varjant Indjan tal-Covid-19 li hu aktar trasmissibbli minn elementi oħra tal-coronavirus u li kapaċi jsir ‘il-versjoni dominanti tal-virus’ fir-Renju Unit.

Matt Hancock, intant, għadu fiduċjuż li l-vaċċini li hemm bħalissa fiċ-ċirkulazzjoni jaħdmu wkoll kontra dan il-varjant. Hu spjega li l-Gvern qed jirranka l-programmi tat-tilqim fiz-zoni ( bliet)  bħal Bolton u Blackburn fejn sallum hemm numri pjuttost ‘għoljin’ tal-varjant Indjan.

Sadanittant, Hancock mhux jeskludi li t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet li qed ikun implimentat millum għandu jkun suġġett għal ‘analiżi urġenti’ f’każ ta’ provi li l-varjant Indjan ikun qed jilħaq punt allarmanti ta’ trasmissibbiltà.

Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet huma li l-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson għandu jkun lest biex jimplimenta lockdown lokalizzat f’Bolton – belt partikulari fejn feġġew diversi każi tal-varjant Indjan – f’każ li dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta-nies.

Matt Hancock sostna li l-ispinta fil-programmi tat-tilqim għall-persuni ta’ 35 sena u aktar madwar il-pajjiż tissimbolizza ‘ir-ritmu tat-tilqim li qabad ritmu tajjeb ħafna madwar il-pajjiż’. Dan meta r-Renju Unit hu fost l-aktar pajjiżi li qed javviċinaw livell ta’ normalità bħalma kien jeżisti qabel l-ewwel ġimgħat tal-pandemija, lejn l-aħħar tal-2019 u l-bidu tal-2020.

Minn għada, il-pubs, il-kafeteriji u r-ristoranti fir-Renju Unit se jkunu qed jilqgħu lill-klijenti fuq ġewwa waqt li l-membri tal-familji se jkunu jistgħu jqattgħu l-iljieli fir-residenzi tan-nies li ma jiffurmawx parti mill-istess familji.

Intant, il-Gvern tal-Ġermanja reġa’ klassifika lir-Renju Unit bħala reġjun ‘ta’ sogru partikulari mill-Covid’ minħabba l-inċidenza tal-varjant Indjan f’numru ta’ bliet Ingliżi. Madankollu mhumiex mistennija jinbidlu daqstant il-kriterji tas-sigurtà għan-nies li jivvjaġġaw mir-Renju Unit għall-Ġermanja.

Fi żviluppi oħra, ir-Russja reġistrat qrib id-9,000 każi ġodda tal-Covid f’perjodu ta’ 24 siegħa, flimkien ma’ 391 mewta mill-effetti tal-virus.

Fl-aħħar sigħat, il-persuna responsabbli  mill-aktar ajruport li qed jara traffiku tal-ajru fuq livell internazzjonali qal li l-passaporti tal-Covid huma l-uniku mezz li kapaċi jixpruna mill-ġdid l-ivvjaġġar tal-massa bejn il-pajjiżi.

Paul Griffiths, il-kap eżekuttiv ta’ Dubai Airports, insista li mhemmx alternattiva gġħll-hekk-imsejjaħ Covid Pass  anki jekk il-kritiċi tas-sistemi diġitali li jikkonfermaw li persuna tkun ingħatat it-tilqima qed isostnu li s-sistemi jiddiskriminaw kontra n-nies li ma jistgħux jieħdu din it-tilqima.

Fil-fatt, Griffiths qed jappoġġja bis-sħiħ id-dokumenti li jikkonfermaw li persuna tlaqqmet kontra l-virus bħala ‘xi ħaġa li għandha ssir inevitabbli fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin’.