Futbol Sport

Gowl fl-94 minuta tal-gowlkiper Alisson Becker jistimola t-tamiet ta’ Liverpool li jikkwalifikaw għaċ-Champions League

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa kważi mirakoluża (2-1) fuq West Bromwich Albion – li diġà huma relegati għal The Championship – biex taw spinta kbira lit-tamiet li jispiċċaw fit-Top Four tal-Premier League u li jfisser kwalifikazzjoni għaċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Intant, ir-rebħa kienet waħda improbabbli għall-aħħar u kellu jkun proprju l-gowlkiper ta’ Liverpool, Alisson Becker li ddeċieda l-konfront fl-94 minuta meta skorja (bir-ras) il-gowl rebbieħ min korner wara sensiela ta’ attakki ddisprati mir-Reds li riedu bilfors it-tliet punti mil-logħba.

Filwaqt li l-gowl ta’ Becker kapaċi jkun l-aktar wieħed importanti għar-Reds tul l-istaġun dan kien ukoll l-ewwel darba li gowlkiper qatt skorja gowl għal Liverpool f’logħba kompetittiva tul l-istorja tal-klabb li twaqqaf fl-1892. Minkejja li huma relegati, West Brom taw battikata enormi lil Liverpool u fil-fatt, kienu huma li marru fil-vantaġġ minn Hal ROBSON-KANU (15) li avvanza waħdu fil-kaxxa u għeleb lil Becker b’xutt fil-baxx. Liverpool, imbagħad, wieġbu minn Mo SALAH (33) li għamilhom 1-1, b’xutt bid-dawwra minn tarf il-kaxxa. Intant, l-aħħar sekondi rriservaw waħda mill-aktar azzjonijiet drammatiċi tal-istaġun, b’Liverpool – l-eks Champions Ingliżi li mill-ġdid naqsu milli jimpressjonaw f’The Hawthorns — ikollhom għalfejn jirringrazzjaw lil Alisson wara li l-Brażiljan sab ir-rokna tax-xibka b’header stupend fuq il-korner mogħti fl-aħħar nifs minn Trent Alexander-Arnold.

Tottenham Hotspur żiedu ċ-ċansijiet li jikkwalifikaw għall-Europa League b’rebħa komda f’darhom, 2-0, fuq Wolverhampton Wanderers. Spurs, li għandhom distakk ta’ ħames punti mar-raba’ tim (Chelsea) tal-Premier League issa qabżu lil West Ham Utd fis-sitt post b’differenza ta’ gowls aħjar u din, bla dubju, kienet rebħa mistħoqqa għat-tim ta’ Londra li laqat il-lasti tliet darbiet minbarra li ħela numru ta’ okkażjonijiet tajbin biex iżid il-marġni tar-rebħa. Intant, l-attakkant Harry Kane, li kmieni fl-ewwel taqsima kien ġie miċħud mil-lasta, żblokka r-riżultat sekondi qabel il-mistrieħ fuq is-suġġeriment tal-midfielder Pierre-Emile Hojbjerg.

Fit-tieni taqsima, Spurs komplew juru s-superjorità tagħhom u HOJBJERG irdoppja mas-siegħa logħob wara li l-gowlkiper Patricio kien salva parzjalment fuq it-tentattiv ta’ Gareth Bale. Minn dak il-ħin ‘il hinn Wolves bdew ikunu aktar perikolużi iżda ma rnexxilhomx jiksbu konsolazzjoni — b’Romain Saiss, Adama Traore u Fabio Silva kollha jfallu okkażjonijiet tajbin.

Crystal Palace u Aston Villa kienu involuti f’logħba mill-aktar drammatika li produċiet ħames gowls u li kienet deċiża miż-żgħażugħ, Tyrick Mitchell, li skorja l-ewwel gowl fil-karriera tiegħu bil-flokk tal-Eagles. Kien fil-fatt il-Villains li kisbu l-vantaġġ minn John McGINN (17) bi Crystal Palace iwieġbu man-nofs-siegħa mill-prolifiku Christian BENTEKE u b’ Anwar EL GHAZI jirristawra l-vantaġġ għal Aston Villa żewġ minuti wara, bir-riżultat ma jinbidilx sal-mistrieħ.
It-tieni 45 minuta raw lil Palace jixħtu kollox fuq l-attakk u fejn l-isforzi tagħhom kienu premjati kwarta mit-tmiem meta Wilfried ZAHA sammar fix-xibka għat-2-2 wara azzjoni personali – bil-ballun jixxellef għal ġewwa miinn mad-difensur ta’ Villa, Ahmed Elmohamady. Intant, l-aħħar kelma kienet ta’ MITCHELL (84) bid-difensur ta’ 21 sena jiskorja bi spalltu mill-viċin fuq il-cross ta’ Eberechi Eze għat-3-2 finali.

Everton kienu megħluba f’darhom mit-tim diġa relegat u li jinsab fl-aħħar post tal-klassifika Sheffield United. Il-gowl uniku tal-partiat wasal fis-seba’ minuta meta minn pass fil-kaxxa ta’ Jack Robinson, kien DANIEL JEBBISON li mill-viċin ikkonkluda ġewwa għal skor finali ta’ 1-0.

Il-Ġimgħa : Newcastle v Man City 3-4 Ilbieraħ : Burnley v Leeds 0-4, Southampton v Fulham 3-1, Brighton v West Ham 1-1 Illum : C’Palace v Aston Villa 3-2, Tottenham v Wolves 2-0, West Brom v Liverpool 1-2, Everton v Sheff’ Utd 0-1