Lokali

Il-Pulizija terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni fil-konfront ta’ Carmelo Abela

Jidher li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjoni li rabtet lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela b’kompliċità fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-Bank HSBC, li kien seħħ f’Ġunju ta’ 11-il sena ilu.

Il-gazzetti MaltaToday u Sunday Times of Malta rrapportaw li Carmelo Abela ssejjaħ mill-Pulizija, fejn ikkwotaw sorsi interni.

Il-gazzetti rrapportaw li l-investigazzjoni nbdiet wara li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rabat lill-Ministru mal-allegazzjonijiet li għamlu Vince Muscat u Alfred Degiorgio – tnejn mit-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Konnessjoni li ġiet miċħuda mill-Ministru, tant li dan fetaħ proċeduri ta’ libell fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista. Iżda sorsi li tkellmu mal-gazzetti spjegaw li l-Ispettur Joseph Mercieca – li qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-każ – talab lill-Imħallef Giovanni Grixti janalizza mill-ġdid ix-xhieda li Cermelo Abela kien ta wara bibien magħluqin fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Vince Muscat u Darren Debono.

Muscat u Debono qed jistennew biex jgħaddu ġuri dwar l-involviment tagħhom fl-attentata serqa, li kienet spiċċat fi sparatura kontra l-Pulizija. Magħhom, anke Fabio Psaila qed jistenna li jgħaddi ġuri.

Filwaqt li s-Sunday Times fakkret li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-jiem li għaddew qal li ma jifakarx li kien intalab jixhed dwar dan il-każ, il-MaltaToday qalet li l-Ispettur informa lill-Imħallef Grixti – li mistenni jmexxi l-ġuri ta’ Muscat u Debono – li l-Pulizija fetħet investigazzjoni ġdida wara l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Carmelo Abela.

Separatament, iż-żewġ gazzetti staqsew lil Abela jekk hux se jirriżenja minn Ministru sakemm ismu jkun imnaddaf għalkollox minn dan il-każ. Iżda, fi tweġiba identika, il-Ministru reġa’ ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, għalkemm qal li jilqa’ kwalunkwe investigazzjoni li ssir.