Lokali

Ebda apoloġija mad-Deputat Toni Bezzina

L-ebda apoloġija mill-Prim Ministru Robert Abela lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina wara li l-Pulizija kkonkludiet li m’hemm l-ebda każ x’jitressaq kontra d-Deputat Nazzjonalista u għalhekk, m’hemm lok għall-ebda akkuża fil-konfront tiegħu.

Fuq ir-radju tal-Partit Laburista, Abela ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li l-Pulizija spjegat li dan il-każ hu kompletament magħluq. Dan kontra kull tentattiv tal-Partit Laburista u tal-media tiegħu biex jattakkaw il-kredibbiltà ta’ Bezzina u tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, Robert Abela ma semma’ xejn lanqas dwar il-fatt li l-Pulizija mistennija tinvestiga lill-Ministru Carmelo Abela b’kompliċità fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-Bank HSBC, li kien seħħ 11-il sena ilu.

Is-skiet tal-Prim Ministru dwar dan il-każ u oħrajn qed iħasseb lil ħafna dwar l-għaliex Abela qed jibqa’ b’idejh marbutin jew x’qed iżommu milli jieħu pożizzjoni ċara wara dawn l-aħħar iżviluppi.