Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Attakk dirett fuq il-Kap tal-Hamas

Il-militar ta’ Iżrael qal li wettaq bumbardament dirett fuq ir-residenza tal-Kap politiku tal-grupp militanti tal-Hamas waqt mewġa oħra ta’ attakki mill-ajru fuq il-Medda ta’ Gaza.

Dan meta qed jiċċirkulaw filmati ta’ splużjoni ta’ balla li skont l-Iżraeljani laqtet id-dar ta’ Yahya Sinwar, il-mexxej ewlieni tal-militanti Iżlamiċi fit-territorju inkwistjoni.

Fl-attakki tallum mill-Iżraeljani nqatlu madwar 40 persuna, fosthom numru ta’ militanti. Intant, il-militanti f’Gaza rritaljaw b’aktar sparaturi ta’ missili lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Il-militar Iżraeljan spjega li l-qawwiet tiegħu laqtu wkoll ir-residenza ta’ Muhammad Sinwar – ħu Yahya Sinwar – li hu l-kap tal-loġistika mal-moviment tal-Hamas u li anki jieħu ħsieb ir-reklutaġġ ta’ militanti għal mal-grupp.

Ir-residenzi inkwistjoni, skont l-Iżraeljani, kienu miri leġittimi għall-qawwiet tal-ajru bħala ‘il-bażi tal-infrastruttura militari tal-Hamas’.

Sadattant ma daħlu l-ebda rapporti dwar id-destin tal-aħwa Sinwar.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħalef li għandu jkompli bl-attakki bla heda ‘fuq it-terroristi ta’ Gaza li qed jisparaw il-missili lejn il-komunitajiet ċivili f’Iżrael’.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kellu jiltaqa’ biex jiddiskuti l-kriżi fil-Lvant Nofsani anki waqt li l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Iżlamika – magħmulha minn 57 pajjiż – kienet għaddejja b’taħditiet virtwali ta’ emerġenza.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, fl-aħħar sigħat, ċempel lill-Prim Ministru Netanyahu u lill-President Palestisnjan Mahmoud Abbas biex jesprimi l-inkwiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Iżrael u Gaza.

Dan meta l-Iżraeljani ħarġu stqarrija biex jgħidu li rnexxielhom jeliminaw ‘għexieren ta’ terroristi’ fl-aħħar rejds – b’kelliema għall-Hamas jinsistu dwar ‘in-numru sinifikanti ta’ tfal u nisa maqtula’ waqt  l-attakki tal-qawwiet tal-ajru Iżraelani fuq il-Medda ta’ Gaza.

Intant, tilfu ħajjithom ukoll numru ta’ nisa u tfal fost l-aħħar bumbardamenti tal-militanti fuq Iżrael.