Lokali

Proposti għal aktar xogħol ta’ kwalita’ f’Għawdex

Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista mhux biss se jwiegħed, iżda se jwettaq aktar ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità ħalli l-Għawdxi jkollu l-opportunità jibqa’ jaħdem f’Għawdex stess u b’pagi ġusti.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt l-intervista fil-gżira tat-tliet għoljiet. Dan hekk kif qal li hu importanti li kulħadd iħoss li qed jikkompeti f’level playingfield.

Bħal b’pagi ġusti għall-Għawdxin ukoll għax minkejja li l-Partit Laburista wiegħed xogħol tajjeb f’Għawdex għall-Għawdxin, illum qed naraw li fadal 3,500 Għawdxi li jaħdmu f’Malta.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll li f’din il-gżira jsir hub edukattiv, li bih anke studenti barranin ikollhom spazju fejn jistudjaw.

Bernard Grech qal li din il-gżira għandha xi ħaġa speċjali, għal kulħadd b’mod differenti. Min għas-serħan il-moħħ, min għall-kunċett qawwi ta’ komunità, iżda fuq kollox għall-ġmiel uniku li għandha.

Dwar l-isfidi li ż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom biex jinżlu jistudjaw f’Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa x’qed iżomm lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jagħmlu hub f’Għawdex. Hawn, hu qal li l-Partit Nazzjonalista se jara li din il-proposta tidħol fis-seħħ.

Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema Għawdxin ukoll għandu jkollhom il-possibbiltà li – kemm jista’ jkun – dawn ikollhom l-opportunità li jaħdmu mqar jumejn fil-ġimgħa minn Għawdex stess.

Bernard Grech fakkar ukoll kif Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor dejjem ħadem b’risq l-aċċessibbiltà għal Għawdex. Issa anke dwar l-aċċessibbiltà permanenti, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien favur dan. Hu għalhekk li jridu jsiru studji aġġornati – partikolarment dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali – b’konsultazzjoni mal-poplu kollu. Umbagħad, ladarba ssir ir-riċerka u l-konsultazzjoni, għandu jkun il-poplu li jiddeċiedi b’referendum xi jkun il-pass li jmiss.

Dwar l-iżvilupp, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, filwaqt li wieħed ma jistax ikun kontra l-iżvilupp, għandu jara li dan isir b’mod sostenibbli u mhux b’mod li jkisser l-estetika unika tal-gżira. Hu għalhekk li l-ewwel għandna naraw xi rridu, bħal li Għawdex jibqa’ speċjali u għalhekk, nibżgħu għalih.

Bernard Grech qal li prijorità wkoll għal Gvern ġdid immexxi minnu se tkun li jinstabu l-modi kollha meħtieġa biex l-Isptar ta’ Għawdex jerġa’ jsir tal-Għawdxin għax ma jistax ikun li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi. Fost l-oħrajn hu qal li għandu jinbena sptar ġdid ta’ 450 sodda li jitgawda primarjament mill-Għawdxin għax taħt Gvern Laburista, minflok ma nbena sptar ġdid, l-uniku Sptar li hemm spiċċa f’idejn il-barranin.

U dwar it-Turiżmu f’Għawdex – anke fid-dawl tal-isfidi li din il-gżira wkoll iffaċċjat kawża tal-pandemija tal-Covid-19 – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament, dan is-settur seta’ jkun mgħejjun minn niċeċ ekonomiċi ġodda li l-Gvern suppost kellu jintroduċi snin ilu. Dan billi, fost l-oħrajn, naraw li jkun hemm aktar postijiet li jiġbdu aktar turisti Maltin u barranin.