Lokali

Se jibqgħu jiġġieldu biex issir ġustizzja

16 ta’ Mejju hu t-43 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għal din l-okkażjoni, l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice insistew li se jibqgħu jistinkaw biex issir ġustizzja.

Messaġġ komuni għall-ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia.

Il-President tal-għaqda Repubblika Alessandra Dee Crespo qalet li l-martirju għas-sewwa jimla b’determinazzjoni lil dawk li qatt ma jridu jċedu quddiem din il-ġlieda. Sostniet li l-għajta tagħha dakinhar titħallat ma’ tagħna llum u tibqa’ tidwi sakemm fl-aħħar, Daphne jkollha l-ġustizzja li jistħoqqilha.

Hija kompliet li nkunu qed nonoraw is-sagrifiċċju ta’ Daphne meta niġġieldu għall-verità u għall-ġustizzja lkoll flimkien għax fejn hemm is-saħħa, hemm l-għaqda.

Din il-ġlieda mhijex astratta għax Daphne kienet tad-demm u l-laħam. Għalkemm hu faċli tgħid li trid ġustizzja għal Daphne u tmur tixgħel xemgħa jew tpoġġi fjura. Iżda ġustizzja għal Daphne tfisser ukoll li tiġġieled għall-istejjer tagħha, għal-legat tagħha. Li tiġġieled għal dak li ġġieldet għalih hi qabilna … waħedha.

Min-naħa tagħha, Marion Pace Axiaq – ukoll mill-NGO Repubblika – qalet li se jibqgħu jfakkru lil Daphne Caruana Galizia xahar wara xahar, fejn se jkomplu jitkellmu dwar dawk li sejħet bħala t-tradituri ta’ pajjiżna, li farrku l-valuri li tant ngħożżu … dawk tal-ġustizzja u l-verità.

U Ann Demarco – mill-għaqda Occupy Justice – qalet li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia xpruna lil ġurnalisti oħrajn biex jieħdu x-xogħol tagħha u jkomplu bl-investigazzjonijiet li bdiet hi. Dan filwaqt li esprimiet ir-rabja tagħha, kif ukoll li xebgħet tara attakki fuq ġurnalisti u attivisti.