Internazzjonali

Covid-19: Jonqsu r-regoli tal-lockdown fl-Ingilterra, Wales u l-Iskozja

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson tenna li n-nies iridu jkomplu jagħmlu l-parti tagħhom biex tonqos it-theddida mill-Covid-19 – bir-regoli tal-lockdown jonqsu  fl-ibnadi tal-Ingilterra u Wales u fil-parti kbira tal-Iskozja.

Minn issa ‘il quddiem, miljuni ta’ Britanniċi jistgħu jgawdu l-avvenimenti soċjali fuq ġewwa għalkemm f’numri limitati – bin-nies, fl-aħħar sigħat, jibdew igawdu wkoll is-servizzi tal-pubs u r-ristoranti ġewwa l-proprja stabbilimenti. Dan meta fil-jiem preċedenti, il-pubs setgħu jservu biss lin-nies fuq barra – l-istess bħar-ristoranti li kienu qed joffru wkoll servizzi ta’ take-away.

Hu anki sinifikanti li issa tneħħiet il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar ‘il hinn mir-Renju Unit u meta bdew japplikaw ir-regoli l-ġodda.

Il-Prim Ministru Johnson qal li l-pajjiż laħaq tragward importanti ieħor fir-roadmap li jindika t-triq ‘il barra mil-lockdown – iżda fl-istess ħin sostna l-ħtieġa għal kawtela.

L-aħħar żviluppi seħħew waqt li l-varjant tal-virus li kien identifikat għall-ewwel darba fl-Indja kompla jinfirex fir-Renju Unit. Intant, il-programmi tat-testijiet għall-massa qed jikkonċentraw fuq hekk-imsejħa ‘hotspots’ ( l-ibliet fejn hemm l-akbar inċidenza tal-varjant) li jinkludu Bolton ( fi Greater Manchester), bnadi ta’ Londra u l-inħawi ta’ Sefton, f’Merseyside.

Boris Johsnon tenna li l-Gvern tiegħu qed iżomm il-varjant Indjan taħt osservazzjoni waqt li qed jieħu azzjoni f’waqtha fiz-zoni fejn żdiedu r-rati ta’ infezzjoni.

Is-Segretarju Britanniku responsabbli mill-Kummerċ,Kwasi Kwarteng , qal li hu ‘fiduċjuż ħafna’ li l-Gvern ikun jista’ ineħħi l-aħħar restrizzjonijiet għall-poplu fil-21 ta’ Ġunju, għalkemm hu ‘ma jistax jiggrantixxi li dan irid isir bil-fors’.

Kwarteng ammetta li hemm element ta’ flessibbiltà f’din is-sitwazzjoni meta fadal ħames ġimgħat oħra ‘għar-reopening totali tal-pajjiż’ u meta l-awtoritajiet iridu jkompu janalizzaw id-data għad-dispożizzjoni tagħhom.