Lokali Mużika

Destiny stupenda fit-tielet prova tagħha f’Rotterdam

It-test tal-COVID tad-delegazzjoni Maltija rriżulta negattiv

Ftit tal-minuti ilu Destiny temmet it-tielet prova tagħha b’wirja stupenda hekk kif libset dehra differenti mill-ewwel żewġ provi li saru l-ġimgħa l-oħra. Fid-dehra tagħha tal-lum, Destiny libset libsa u boots silver, b’qatgħa xagħar differenti mis-soltu.

Aktar kmieni d-delegazzjoni Maltija ttestjat negattiv għall-COVID-19, għalhekk Destiny bdiet it-tielet prova… qabel ma llejla tkanta l-kanzunetta tagħha ‘Je me Casse’ quddiem il-ġurija, f’dik li titqies bħala l-aħħar prova qabel ix-show tat-Tlieta.

Kollox jinsab lest ghall-ewwel semi finali tal-Eurovision illi se ssir it-Tlieta filghaxija f’Rotterdam – bl-attenzjoni ta’ pajjizna tkun fuq il-kantanta Maltija Destiny li se tinterpreta l-kanzunetta ‘Je Me Casse’.

Filfatt, fl-aħħar sigħat Destiny kantant il-kanzunetta tagħha quddiem il-ġurija, f’dik li titqies l-aħħar prova qabel ix-show tat-Tlieta… rehearsal li mhux biss tgħin lil Destiny u t-team tagħha bl-ahhar preparamenti, iżda hija prova li fuqha tivvota l-ġurija.

Fl-aħħar sigħat, kienu bosta dawk illi kienu qed jistennew bil-ħerqa li jaraw lil Destiny fuq it-tapit l-aħdar fil-ftuħ uffiċjali li sar il-Ħadd filgħaxija. Iżda bħala prekawzjoni, il-kontingent Malti ma kienx prezenti wara li ħareġ każ pożittiv ta’ Covid-19 fid-delegazzjoni tal-Iżlanda.

Ħadd mid-delegazzjoni Maltija ma huwa pożittiv għall-Covid-19, iżda l-prekawzjoni ttieħdet minħabba li l-Maltin…inkluz Destiny…jinsabu fl-istess lukanda tal-Iżlanda u l-Polonja. Delegazzjoni oħra li wkoll kienet fl-istess lukanda u allura ma ppartecipatx fiċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ hija dik tar-Rumanija.

Intant, skont il-kumpaniji tal-betting, Franza m’għadiex tokkupa l-ewwel post bħala l-favorita għall-Eurovision ta’ din is-sena. Dan hekk kif il-grupp Taljan Maneksin issa qabeż fil-quċċata ta’ din il-lista. Il-kantanta Maltija Destiny, dejjem skont il-bettings, għadha fit-tielet post, dan wara li okkupat l-ewwel post għal numru ta’ ġimgħat.

Maneksin ilhom ġimgħat sħaħ javvanzaw lejn il-quċċata, u jidher illi l-istil rock li qed jipproponi dan il-grupp bil-kanzunetta ‘Zitti e buoni’ qed jintlaqa’ tajjeb ħafna. Minn naħa l-oħra, dan qed jitqies bħala diżappunt għall-Franċiża Barbara Pravi li kienet ilha numru ta’ jiem tokkupa l-quċċata.

Apparti l-Italja, anke l-Iżlanda u Ċipru qed iżidu fil-popolarità mal-appasjonati tal-Eurovision.