Lokali

HSBC b’fergħa ġdida f’Ħal Qormi

Il-President ta’ Malta George Vella inawgura l-fergħa l-ġdida ta’ HSBC Malta, 80 Mill Street, f’Ħal Qormi. Fi stqarrija, il-bank qal li din il-fergħa ġiet mibnija madwar l-għarfien u l-ħtiġijiet tal-klijenti li qed jevolvu u ġiet iddisinjata biex toffri lill-klijenti konvenjenza u flessibilità.

Il-fergħa ta’ tliet sulari topera fuq ħinijiet ta’ ftuħ mit-8:30am sas-7:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u mit-8:30am sa 12:30pm is-Sibt, b’20 spazju għall-parkeġġ fuq il-post, inklużi żewġ charging bays għall-vetturi elettriċi. Il-kredenzjali favur l-ambjent tal-bini huma mtejba aktar permezz ta’ dawl effiċjenti fl-enerġija u sistemi ta’ kontroll ta’ temperatura. Dawn il-kredenzjali huma f’konformità mal-għanijiet tal-Paris Agreement. Din il-fergħa l-ġdida tal-HSBC hi fost l-ewwel fergħat tal-bank bid-dehra l-ġdida tal-Grupp HSBC u hi ukoll l-akbar fergħa ta’ HSBC Malta fil-pajjiż.

Lil hinn mid-disponibbiltà ta’ ATMs tradizzjonali u magni tad-depożitu b’assistenza disponibbli mit-tim ta’ HSBC fil-pjan terran, l-ewwel sular fih kmamar għal laqgħat privati ​​fejn il-klijenti huma mistiedna jiddiskutu l-ħtiġijiet tagħhom ma’ konsulenti speċjalizzati dwar self għad-djar u personali, ippjanar finanzjarju, ftuħ ta’ kontijiet u karti tal-kreditu, kif ukoll negozju bankarju bl-imnut. It-tieni sular huwa ddedikat biex jaqdi lill-klijenti Premier.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, Simon Vaughan Johnson, qal li l-fergħa l-ġdida tirrappreżenta mod ġdid ta’ servizz bankarju li jinkorpora l-isforz tal-bank biex iwassalu sett ta’ servizzi bankarji ta’ klassi dinjija lill-klijenti. “Aħna qed nimmiraw li noffru esperjenza mtejba, msejsa fuq il-konvenjenza u l-flessibilità. Smajna lill-klijenti tagħna u estendejna l-ħinijiet tal-ftuħ tagħna biex nissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna, li ħafna minnhom għandhom ħajja impenjattiva.”, qal Vaughan Johnson.

Fl-indirizz tiegħu, il-President George Vella qal li wara dak li għaddejna minnu minħabba l-imxija, bħalissa qed nesperjenzaw sens imġedded ta’ tama. “Okkażjonijiet ta’ bidu ġdid, bħal din, jimlewna b’sens qawwi ta’ motivazzjoni. Din kienet sena li qatt ma kellna bħalha, u ninnota bi pjaċir li d-diffkultajiet kbar u l-kumplikazzjonijiet li ġabet magħha l-COVID-19 ma qatgħatilkomx qalbkom milli tibqgħu għaddejjin b’dan il-proġett ambizzjuż.  Ix-xogħol li sar fuq din ll-binja huwa r-riżultat ta’ viżjoni ċara u xhur ta’ ppjanar fid-dettall”, temm jgħid George Vella.