Lokali Parlament

Iktar appelli biex tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar għal darb’oħra appella biex l-Għassa tal-Mellieħa terġa’ tinfetaħ.

Fil-parlament Robert Cutajar appella biex l-Għassa tal-Mellieħa terġa’ tinfetaħ, li ilha 13-il xahar magħluqa. Dan f’lokalità fejn hemm element qawwi ta’ turiżmu propju bieb ma’ biex mal-Uffiċċji tat-Turiżmu fil-lokali.

Hu qal li fil-lokal saru diversi inċidenti li kienu jirrikjedu l-intervent urġenti u immedjat mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokal. Fost dawn kien hemm inċidenti tat-traffiku u kuntratturi li jibqgħu jaħdmu sa tard bil-lejl. Il-pulizija issa se jkollhom ħafna iktar xogħol minħabba x-xogħlijiet li bdew propju issa fuq il-moll tal-Marfa.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-Mellieħa u l-lokalitajiet tal-madwar qed jiżdied is-serq u appella biex il-Pulizija tal-Komunità jkunu estiżi għax-Xemxija, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.

Robert Cutajar qal li qed ikun hemm ilmenti li karrozzi abbandunati qed jitħallew xhur u snin biex jitneħħew mit-toroq u appella biex il-pulizija jieħdu l-azzjonijiet immedjati biex dawn jitneħħew. Hu sostna li fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta m’hemmx infurzar tar-regoli madwar il-kosta. Problema oħra li s-sewqan eċċessiv partikolarment fi Triq il-Kosta fejn tpoġġiet speed camera; xi ħaġa pożittiva.

Robert Cutajar tkellem dwar il-Pulizija tat-Turiżmu u appella biex din l-inizjattiva terġa’ tkun introdotta.