Edukazzjoni Kultura Lokali

Il-Partit Nazzjonalista kommess li jaħdem sabiex jinqatgħu il-preġudizzji kontra persuni LGBTIQ+

Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ tiegħu lill-membri kollha tal-komunitá LGBTIQ+.

Fi stqarrija maħruġa t-Tnejn, il-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba, Therese Comodini Cachia, u l-President Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, Jamie Vella, qalu li ħadd ma għandu jinżamm lura fis-soċjetá minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identitá tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali tiegħu jew tagħha. Din l-identitá hija parti integrali ta’ kull persuna u dan għandu jiġi rikonoxxut mis-soċjetá kollha.

Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju mid-diffikultajiet soċjali, ekonomiċi u emozzjonali li persuni LGBTIQ+ jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom. Il-ħtiġijiet speċifici ta’ persuni LGBTIQ+ għandhom jiġu rikonoxxuti u l-pajjiż għandu joffrilhom aċċess mingħajr xkiel għal servizzi speċjalment dawk relatati mas-saħħa u mal-awtonomija u l-integritá fiżika, emozzjonali u ekonomika tal-persuna.

Għalhekk illum fil-Jum Dinji kontra l-omofobija (homophobia), transfobija (transphobia) u bifobija (biphobia), il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-gvern sabiex jassigura li fit-tfassil ta’ politika nazzjonali ġdida dwar is-saħħa sesswali il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni LGBTIQ+ għandhom jiġu indirizzati.

F’dan ir-rigward il-Partit Nazzjonalista ukoll sejjaħ sabiex il-PrEP, (Pre-Exposure Prophylaxis) mediċina kontra l-HIV, għandha tibda tingħata b’xejn lil kull min għandu bżonnha.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa kommess li jaħdem sabiex jinqatgħu il-preġudizzji kontra persuni LGBTIQ+, ħalli ħadd ma jgħix fil-biża’.