Lokali

Il-PN jemmen li fl-aħħar mill-aħħar il-verità dejjem tirbaħ – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li, fl-aħħar mill-aħħar, il-verità tirbaħ. Anke jekk iddum ma toħroġ, il-verità dejjem tirbaħ. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat f’Għawdex minn Karl Buttigieg.

Hu rrefera partikolarment għall-aħħar minn fost għadd ta’ bżieżaq li nfaqgħu f’wiċċ il-Partit Laburista – din id-darba fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, b’Bernard Grech jgħid li l-attakki tal-Partit Laburista qed isiru b’mod ikkalkulat u bi strateġija.

Dan għax illum, ħadd ma għandu dubju li l-Gvern Laburista hu gvern korrott u għalhekk, qed juża’ l-istrateġija tat-tfigħ ta’ tajn biex jipprova jgħatti l-ħmieġ li hemm fi ħdan il-Partit Laburista.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qed jibqa’ ċass għall-mod kif id-Deputati u l-Ministri tiegħu qed jiġu investigati mill-Pulizija. U ladarba qed jibqa’ ċass, wieħed jistaqsi x’qed iżomm lill-Prim Ministru b’idejh marbutin.

Bernard Grech irrefera għall-fatt li l-Ministru Carmelo Abela qed jgħid li ma jiftakarx li kien xehed dwar l-attentat serqa fil-kwartieri tal-Bank HSBC. Hawn, hu qal li ma jemminx li l-Ministru ma jiftakarx xi ħaġa importanti bħal din.

Mistoqsi dwar l-Abbozz ta’ Liġi biex l-abort ikun dekriminalizzat, Bernard Grech tenna li l-prinċipju ewlieni tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ dak favur il-ħajja għax mingħajr il-ħajja ma għandek xejn. Dan mingħajr ma jagħlaq għajnejh u widnejh għall-isfidi li n-nisa jkollhom matul ħajjithom, fost l-oħrajn billi jagħti l-għodda kollha meħtieġa u edukazzjoni xierqa biex verament nimxu ‘l quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irrefera wkoll għall-ħidma fi ħdan il-Partit biex il-messaġġ jasal aktar għand il-poplu. Dan meta għandek Partit Laburista fil-Gvern li qed jaħkem lix-Xandir tal-Istat, li saħansitra jisfida lill-Awtorità tax-Xandir fid-deċiżjonijiet li tieħu.

Min-naħa l-oħra, qal li l-ħidma fil-Partit Nazzjonalista se tkompli – anke b’aktar proposti grazzi għall-clusters – b’tim kumpatt u b’sinerġija ta’ Kandidati li jippreżentaw politika li tagħmel sens. Dan filwaqt li jrid ikompli juri li tgħallem mill-imgħoddi, b’attitudni tajba internament u mal-elettorat. Għax hu hekk biss li l-poplu jifhem li l-Partit jinteressah min-nies.

U dwar l-użu tal-kannabis, Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista diġà għamel proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa. Dan qabel ma, fi ftit tal-jiem oħra, tkun tista’ tinħareġ il-pożizzjoni responsabbli tal-Partit.