Lokali

“Robert Abela għandu jneħħi lil Carmelo Abela b’mod immedjat” – PN

“Quddiem l-iżviluppi ġodda li ħarġu fl-aħħar sigħat, il-Ministru Carmelo Abela m’għandux triq oħra ħlief li jirriżenja għax il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex waħda tenibbli.” Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami u mill-Kandidat Mark Anthony Sammut.

Beppe Fenech Adami qal li mkien f’dinja fejn jaħdmu l-istituzzjonijiet ma jkollok Ministru li jkun qed jigi investigat fuq każ ta’ hold up li ntemm fi sparatura… b’dak il-Ministru jżomm postu.

Huwa qal li għandna sitwazzjoni surreali b’Minsitru li qed jipprova jikkonvinċi li ma jiftakarx l-involviment tiegħu f’dan il każ. Sitwazzjoni fejn persuna prominenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela għaddej minn din l-investigazzjoni. Bl-istess Carmelo Abela, mal-bidla fil-Gvern, jinħatar Ministru responsabbli mill-Pulizija.

U bil-Prim Ministru Robert Abela jerġa’ jaħtar lil Carmelo Abela Minsitru ewlieni tal-gvern tiegħu. Beppe Fench Adami saqsa jekk Robert Abela kienx infurmat dwar dan il-fatt u jekk ġie infurmat, ħassux komdu li jaħtar lil Abela bħala Minstru.

Huwa qal li pajjiżna għandu Prim Ministru li qed joħroġ minn triqtu biex jiddefendi lil Carmelo Abela hekk kif qed juża kejl differenti ma’ Deputati oħrajn fosthom ma’ Justyne Caruana u ma’ Rosianne Cutajar.

Beppe Fenech Adadmi qal li rridu nibagħtu messaġġ li dan huwa pajjiż serju u ebda Ministru m’għandu jimmina listituzzjonijiet ta’ pajjizna.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat Mark Anthony Sammut qal li quddiem l-iżvluppi ġodda li ħarġu f’dawn l-aħħar sigħat… Carmelo Abela m’għandux triq oħra ħlief li jirriżenja.

Mark Anthony Sammur qal li l-fatt li Carmelo  Abela nesa li xehed wara bibien magħluqa… ħadd mhu qed jemmnu. Għalhekk quddiem dan kollu l-pozizjoni ta’ Carmelo Abela m’għdhiex waħda tenibbli… bil-Partit Nazzjonalista jitlob li Carmelo Abela jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu jew jitneħħa sakemm issir l-investigazzjoni.

Dan kollu qed jaffettwa r-reputazjoni ta’ Malta, għalhekk hemm bzonn li l-poplu jkollu paġna ġdida bi gvern alternattiv li jagħti lil pajjiżna standards ġodda iffukati fuq il-ħtigijiet tan-nies.