Lokali

Il-President lest jirriżenja jekk f’pajjiżna jiddaħħal l-abort

F’kumment lil Net News dwar l-aħħar żviluppi rigward il-Private Members’ Bill li kien preżentat fil-Parlament biex l-abort ikun dekriminalizzat, il-President ta’ Malta George Vella stqarr b’mod ċar li lest jirriżenja jekk f’pajjiżna tidħol liġi li tħalli l-abort isir. George Vella ddikjara li hu ma jiffirma qatt liġi li tinvolvi l-awtoriżazzjoni tal-qtil. Hu stqarr li ma jistax iżomm l-Eżekuttiv milli jiddeċiedi pero fakkar li għandu l-libertà li jekk ma jaqbilx ma d-deċiżjoni tal-Parlament, jirriżenja. Mistoqsi jekk hux kontra din il-liġi fit-totalità tagħha, George Vella qal li “m’hemmx nofs mewt u jekk ħa toqtol, toqtol u jekk ma toqtolx ma toqtolx.”

L-abbozz ta’ liġi ġie mressaq fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet mid-Deputat indipendenti Marlene Farrugia u kien sekondat mill-ex Ministru Laburista Godfrey Farrugia. Biex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha, Marlene Farrugia qalet li Malta hi l-uniku pajjiż fl-UE li fiha l-abort għadu mhux legali.

Ftit wara dan l-iżvilupp, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jemmen bl-aktar mod assolut fil-ħajja mill-konċepiment sal-mewt u għalhekk ma jista’ qatt ikun favur li l-abort ikun dekriminalizzat. Dan sostnieħ il-Kap tal-PN Bernard Grech f’messaġġ li għadda fuq il-media soċjali. Bernard Grech insista li l-PN huwa favur “li jittiehdu l-miżuri meħtieġa favur is-saħħa sesswali ta’ kulħadd mingħajr ma tkun ipperikolata l-ħajja tat-tarbija ….kemm qabel u anke wara t-twelid”. Minn naħa l-oħra, il-Partit Laburista baqa’ ma ħax pożizzjoni dwar din it-tema tant importanti.

Intant, dwar dan is-suggett tkellem ukoll l-Arcisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna, illi fakkar li l-omm għandha dejjem tkun meqjusa bħala simbolu ta’ ħajja u mhux ta’ mewt.