Lokali Qorti

Imminenti l-estradizzjoni ta’ Adrian Hillman

Il-proċeduri fil-qrati Brittaniċi sabiex jiġi estradit l-eks Direttur Manigerjali tat-Times Adrian Hillman mir-Renju Unit lejn pajjiżna mistennija jibdew b’mod immimenti. Dan sabiex il-Qorti tiddeċiedi jiġix estradit jew le, f’dik li hi l-ewwel talba Maltija għal estradizzjoni permezz tat-trattat ta’ Brexit.

Net News jista’ jikkonferma illi l-uffiċċjali tal-infurzar mill-Aġenzija Nazzjonali Brittannika kontra r-Reati Kriminali  irciviet il-karti kollha meħtieġa minn pajjizna, dwar l-akkużi li mistenni jaffaċċja Hillman fil-Qrati Maltin …fosthom ħasil ta’ flus u korruzzjoni ma’ Keith Schembri. B’hekk ikunu jistghu jippreżentaw il-każ tal-Pulizija Maltija fir-Renju Unit.

Jidher li Hillman, li bħalissa jinsab fix-xlokk ta’ Londra, fis-subborg ta’ New Cross flimkien mal-familja tiegħu waqt li għaddej bl-istudji fl-Università ta’ Goldsmiths fil-kapitali Ingliża, kien interrogat mill-Pulizija Ingliża sabiex jaċċertaw fejn jinsab…iżda għadu ma ġiex mgħarraf jekk f’dan l-istadju hux se jiġi estradit jew le.

Adrian Hillman mistenni jitressaq wara li ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali li talab l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, dwar tixħim fil-bejgħ ta’ magni fl-istamperija Progress mingħand il-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri, bl-istess Schembri allegatament xaħħam lil Hillman b’madwar €650,000 f’aktar minn 30 tranżazzjoni suspettuża bejn l-2011 u l-2015 kif ukoll li ddepożita aktar minn €225,000 cash f’kont tiegħu mal-HSBC bejn Jannar 2011 u Frar 2016.