Internazzjonali

Ir-Russja: Determinati li jrażżnu lill-kritiċi tal-President Putin

Qorti fir-Russja qed tħejji biex tisma’ każ dwar ‘estremiżmu’ li tressaq fil-konfront tan-network politiku tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny – magħruf bħala l-kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin.

Dan meta Moska qed tinsisti bil-kampanja biex in-network politiku ta’ Navalny – li qed jiskonta sentenza ta’ ħabs – ikun iddikjarat entità illegali. F’każ li n-network jispiċċa kategorizzat b’dan il-mod, il-membri tiegħu kapaċi jispiċċaw suġġetti għal persekuzzjoni qalila min-naħa tal-Kremlin.

Kollox jindika li Moska mhix lesta biex tittollera aktar oppożizzjoni għal Putin u s-smigħ tal-qorti (fil-magħluq) jidher li hu parti mill-kampanja sistematika biex ‘tonqos ir-relevanza’ ta’ Navalny. L-istess Alexei Navalny, fis-sajf li għadda, kien salva b’ħajtu minn attentat ta’ ivvelenar waqt li kien qed jistenna biex jaqbad titjira fir-Russja.

L-impenn tal-Istat kontra Navalny  u l-Oppożizzjoni qed jirranka ftit xhur qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Russu.  Intant, il-kamra t’isfel tal-Parlament għandha tibda tiddibatti abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi lill-membri ta’ organizzazzjonijiet ‘estremisti’ milli jkunu eletti bħala deputati fl-assemblea.

Il-prosekuturi Russi, ftit tal-ġimgħat ilu, kienu talbu biex in-network reġjonali ta’ Navalny u l-Fondazzjoni għal Kontra l-Korruzzjoni li waqqaf l-istess Kap tal-Oppożizzjoni jkunu dikjarati bħala ‘gruppi estremisti’. Dawn il-prosekuturi qed jakkużaw lil Navalny dwar ‘kumplott għal rivoluzzjoni stil tal-Punent fl-artijiet tar-Russja’.

F’każ li l-qorti tikkonvalida dan l-istatus għal Navalny u s-sostenituri tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u n-nies li jappoġġjawh ( anki minn aspett finanzjarju) jitpoġġew fuq l-istess livell kriminali bħall-membri tal-gruppi terroristiċi ISIS u al-Qaeda —  u fejn jispiċċaw suġġetti għal sentenzi twal ta’ ħabs.