Lokali Parlament

Is-sistema tal-gwardjani lokali kkrollat; jeħtieġ sistema ġdida – Karl Gouder

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder sostna li s-sistema tal-gwardjani lokali kkrollat u għalhekk jeħtieġ li b’mod immedjat tinħoloq sistema ġdida li sservi lir-residenti, jkun hemm id-dixxiplina u biex il-lokalitajiet jitjiebu.

Fil-parlament Karl Gouder qal li fil-pajjiż għandu jkun hawn ordni u awgura lid-Deputat Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Alexandra Mamo. Hu kompla li l-Pulizija tal-Komunità huma tajbin u għandhom ikomplu jiżdiedu.

Il-preżenza tal-Pulizija tal-Komunità diġà qed tinħass, sostna Karl Goduer, li kompla li s-sistema tal-LESA waslet beix tfalli. Qabel il-kunsilli lokali kellhom sehem kbir fid-deċiżjonijiet iżda minn ftit snin ilu ‘l hawn, il-proċess ta’ ċentralizzazzjoni tal-
wardens ħakem u kisser is-sistema tal-gwardjani lokali.

Id-deputat Nazzjonalista qal li qabel is-sistema tal-gwardjani lokali kienet aħfna iktar effittiva għaliex il-kunsilli lokali setgħu iwettqu azzjonijiet immedjati; illum kollox irid jgħaddi mil-LESA bil-konsegwenza li jkun hemm burokrazija kbira.

Dan wassal biex il-kunsilli lokali saru tallaba, sostna Karl Gouder, li kompla li s-soluzzjoni ma kenitx li l-gwardjani lokali jitneħħew minn taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali u tinħoloq il-LESA.

Minbarra dan, anki mill-aspett finanzjarji kien hemm kroll għaliex qbael miċ-ċitazzjonijiet, il-kunsilli lokali kienu jiddependu minn dawn il-flus biex iwettqu proġetti oħra lil hinn mill-fondi allokati mill-gvern.

Is-sistema llum tiswa wisq b’detriment li ma jifdal xejn x’jieħdu l-kunsilli lokali, sostna Karl Gouder, li appella biex tinbidel is-sistema, ikun hemm qbil fil-prinċipju biex l-gwardjani jitpoġġew taħt il-kunsilli lokali u ssir sistema aħjar.

Id-deputat Nazzjonalista qal li din is-sitwazzjoni wassslet biex ir-residenti tilfu l-fiduċja fil-gwardjani lokali u sostna li jidher li ħarġet xi ordni biex jingħataw ċitazzjonijiet bl-addoċċ bil-konsegwenza li qed tintilef ir-raġuni u l-pubbliku qed ikun frustrat.

Karl Gouder appella biex il-gwardjani jingħataw ordnijiet differenti dwar kif għandhom jaħdmu. Il-gwardjani m’għandhomx ikunu kopja tal-Pulizija tal-Komunità, sostna Karl Gouder, li kompla li s-sistema tal-gwardjani m’għandux ikollha l-iskop ewlieni li jagħmlu l-flus.

Fid-diskors tiegħu Karl Gouder appella biex jinbidel il-mod kif isir il-bini fil-pajjiż u sostna li m’għandux ikun tollerat iktar li r-residenti jgħaddu minn torturi minħabba l-inkonvinjenti fiż-żoni ta’ kostruzzjoni. Hu appella biex jiddaħħlu l-istandards li hemm f’pajjiżi barranin dwar il-bini.

Karl Gouder qal li minn Ġunju sa Settembru suppost m’għandux isir skavar f’żoni turistiċi iżda minkejja dan, hemm ħafna siti ta’ kostruzzjoni li jibqgħu għaddejjin. Jeħtieġ li dawn ir-regoli, jkunu infurzati, sostna Karl Gouder.