Internazzjonali

Jissoktaw il-bumbardamenti mill-ajru fil-Lvant Nofsani

Il-ġlied fil-Lvant Nofsani ssokta anki tul is-sigħat bikrin ta’ filgħodu, bis-sema baqgħet tixgħel bil-bombi u n-nirien anki tul il-lejl.

L-Iżrael kompliet il-bumbardament fuq Gaża issa anki bl-ajruplani militari filwaqt li Gaża komplew jitfgħu għadd ta’ rockets lejn it-territorju Iżraeljan. Fl-aħħar ħinijiet jidher li tilfu ħajjithom 42 persuna, b’numru mdaqqas ta’ midruba inkluż nisa u tfal.

F’Ġaża is-Sibt iġġarrfet binja li fiha kien hemm l-uffiċċji ta’ għadd ta’ midja internazzjonali, fosthom tal-Associated Press u tal-Al Jazeera.

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu infatti qal li dawn l-attakki qed isiru fuq il-binjiet biex jinqatlu dawk il-persuni li għandhom irwoli għolja fi ħdan il-Hamas.

Dawn l-avvenimenti qed ikunu meqjusa bħala l-agħar kunflitt f’dan ir-reġjun sa mill-2014.