Lokali Parlament

Kontroll ikbar mill-gvern fil-Korp tal-Pulizija; se jneħħi s-CEO

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kkritika lill-gvern Laburista għall-fatt li issa se jneħħi l-Kap Eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija; dan wara li kien hu stess li ħatru u wegħdu fil-programm elettorali.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija, Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern qed jippova jikteb l-istorja politika mill-ġdid fosthom dwar min kiseb l-Indipendenza, dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE, dwar il-fondi li l-pajjiż mill-UE u dwar il-kredibbiltà tal-Korp tal-Pulizija.

Hu sostna li l-fatti huma li l-PN wettaq riformi kbar fil-Korp tal-Pulizija u li għolla l-istima tal-poplu lejn il-Korp tal-Pulizija waqt li tejjeb il-kundizzjonijiet tal-pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista qal li kien il-gvern Laburista li għamel ħsara lill-immaġini tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin u kompla li kienu elementi tal-gvern Laburista li kien sħab mal-kriminali biex twettqu reati kriminali gravi.

Beppe Fenech Adami qal li kien kuntent li fl-aħħar ġimgħat trressqu perusni akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus iżda l-PN kienu ilu snin jitkellem fuq dawn ir-reati.

Il-PN kien ilu perjodu twil jappella biex jittieħdu l-passi fosthom biex jitneħħa l-ex Kummissarju Lawrence Cutajar li ma kienx qed jagħmel l-almu tiegħu fl-investigazzjonijiet; iżda l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u l-ministri Labuisti kienu jappoġġjaw lill-ex Kummissarju.

Illum hu stabbilit li l-ex Kummissarju tal-Pulizija kien qed jiltaqa’ ma’ persuni involuti fl-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minn wara dahar il-Korp tal-Pulzija. Il-PN kien ilu jinsisti biex jitneħħa wkoll ex Assistent Kummissarju tal-Pulizija li kien qed jinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Beppe Fenech Adami qal li l-gvern issa qed iressaq liġi li tħott dak li bena l-gvern Laburista stess, li qed jammetti li l-emendi għall-Att tal-Pulizija kienu skorretti. Il-gvern Laburista mhux jammetti ħa żball erba’ snin ilu iżda qed jgħid issa li dawn huma riformi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PL tela’ fil-gvern bl-għajta li għandu pjan għall-Korp tal-Pulizija fosthom bil-ħolqien ta’ Kap Eżekuttiv fuq livell amministrattiv. Kif tela’ fil-gvern il-PL għamel emenda għal-liġi li wettaq din il-wegħda li kellha ġġib riforma kbira. Il-gvern Laburista llum qed iwarrab il-wegħda tal-Kap Eżekuttiv, sostna Beppe Fenech Adami, li fakkar li l-Kummissarju preżenti Angelo Gafa kien maħtur Kap Eżekuttiv. Minkejja l-wegħdi kollha, illum, il-gvern Laburista qed ineħħi l-kunċett ta’ Kap Eżekuttiv tabolixxi din il-ħatra.

Beppe Fenech Adami kompla li l-gvern għandu jammetti dan l-iżball u għandu jispjega għaliex qed jieħu din id-deċiżjoni. Hu wissa’ li din id-deċżjoni tista’ tfisser li se jkun iktar poter f’idejn il-politiċi biex ikun hemm iktar indħil fil-Korp tal-Pulizija. Il-pajjiż għandu bżonn Korp tal-Pulizija li jkun maqtugħ mill-id tal-politiku.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kompla li fil-liġi qed ikun introdott kunċett ġdid fil-Korp tal-Pulizija bil-possibbiltà li jsiru testijiet biex ikun assigurat li ma jkunx hemm membri taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Beppe Fenech Adami sostna li l-Kummissarju neħħa uffiċjal tal-Pulizija, Ian Abdilla, għax raqad fuq investigazzjonijiet għal snin twal; kif saret bidla fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji tressqu persuni l-qorti akkużati b’reati serji u gravi. Minkejja dan, dawn l-uffiċjali li naqsu jibqgħu protetti.

Beppe Fenech Adami qal li l-PN ma jittollerax membri tal-Korp tal-Pulizija li jabbużaw mid-droga. Hu sostna li fl-istess waqt il-gvern qed jitkellem favur il-legalizzazzjoni tal-cannabis u staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar dan fil-kuntest tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-emenda li tikkonċerna t-tnaqqis tal-poter u l-awtonomija tal-pulizija u jtih lill-politiċi. Hu qal li l-liġi taħseb għall-ħatra ta’ Bord tad-Dixxiplina, li s’issa kien maħtur mill-Kummissarju minn fost il-membri tal-Korp.

Il-gvern issa qed jipproponi li tħott dan il-kunċett u se jinħoloq Bord Dixxiplinarju, li se jkun kompost minn tliet membri b’wieħed minnhom chairperson. Il-gvern qed jipproponi li f’dan il-bord ikun maħtur minn fost uffiċjali pubbliċi minn fost l-uffiċjali pubbliċi li jaqdu fil-ministeru responsabbli mill-pulizija. Il-gvern issa qed jieħu l-poter minn idejn il-pulizija u jtih lill-politiċi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li dawn il-persuni se jkunu minn skala erba’ ‘l fuq; il-persons of trust.

Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-unions u lill-Ministru tal-Intern biex il-poter jitneħħa mingħand il-politiku; uħud minn dawn l-emendi huma diżonestà politika u l-gvern ma jmissux iressaqhom fl-istess liġi li għandha elementi pożittivi.

Hu tkellem dwar il-pensjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija u qal li l-proposti f’dan is-sens huma pożittivi. Hemm iktar 251 pulizija li għamlu iktar minn 25 sena servizz iżda li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu. Il-fatti huma li l-pensjoni tal-pulizija mhix biżżejjed