Internazzjonali

L-ebda tmiem għall-attakki fuq Gaza minkejja s-sejħiet għall-waqfien mill-ġlied

Il-militanti tal-Hamas fil-Medda ta’ Gaza fl-aħħar sigħat spiċċaw suġġetti għall-‘agħar sensiela ta’ bumbardamenti s’issa’, bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani mill-ġdid jikkonċentraw l-attakki fuq siti indikati bħala ċentri ta’ kmand għall-militanti. Din il-fażi tal-offensiva fuq Gaza – li ilha mill-bidu tal-ġimgħa l-oħra – seħħet wara li l-militanti Palestinjani sparaw baraxx ieħor ta’ rokits lejn l-ibliet fin-nofsinar ta’ Iżrael.

L-Iżraeljani, intant, qalu li laqtu diversi faċilitajiet tal-Hamas flimkien mar-residenzi tal-kapijiet tal-grupp militanti Iżlamiku. Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael anki wettqu ħsarat konsiderevoli fl-infrastruttura ġenerali ta’ Gaza u fejn intlaqtu t-toroq prinċipali flimkien mal-istallazzjonijiet tad-dawl fl-inħawi.

Sadanittant, ir-residenti ta’ Gaza – fil-parti kbira ċivili – qed jitkellmu dwar ‘attakki indiskriminattivi (mill-Iżraeljani) li mhuma jaħfruha lil ħadd, irrispettivament minn jekk il-vittmi humiex nies professjonali, anzjani jew żgħażagħ.’

L-aktar attakk qalil fuq Gaza fl-aħħar sigħat kien jinvolvi talanqas 50 ajruplan tal-gwerra tal-Iżraeljani li laqtu ‘bejn 30 u 40 mira tat-terroristi Palestinjani’. L-Iżraeljani qalu wkoll li rnexxew l-attakki fuq network ta’ mini taħt l-art li kienu qed jużaw tal-Hamas u li jwasslu fuq distanza ta’ 15-il kilometru.

Fl-istess ħin, il-militar Iżraeljan laqat id-djar ta’ mill-anqas disa’ kmandanti ewlenin tal-Hamas – bl-artillerija ta’ Iżrael tispara kontinwament il-balal lejn il-Belt ta’ Gaza mill-pożizzjonijiet maġenb il-fruntiera komuni.

Il-ġlied kompla f’livell allarmanti wara ġimgħat ta’ tensjoni bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fiz-zona ta’ Ġerusalemm tal-Lvant – u mindu tal-Hamas bdew il-bumbardamenti inizjali fuq Iżrael ftit aktar minn ġimgħa ilu.

L-awtoritajiet Iżraeljani qalu li ‘il fuq minn 3,000 missila kienu sparati lejn arthom minn Gaza tul l-aħħar ġimgħa – waqt li l-uffiċjali Palestinjani f’Gaza qalu li l-aħħar offensiva mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani kkaġunaw qtugħ ta’ dawl ‘sinifikanti’ fit-territorji tagħhom. Dan waqt li mijiet ta’ djar u bini oħra ġarrbu l-ħsarat kbar fl-aħħar rejds tal-Iżraeljani.

L-aħħar attakki mill-Iżraeljani fil-fatt kienu ‘it-tweġiba immedjata’ għal bumbardament ta’ missili mill-Hamas fuq l-ibliet (Iżraeljani) ta’ Beersheba u Ashkelon. Dan il-bumbardament seħħ matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn – bl-uffiċjali f’Iżrael jikkonfermaw li fl-aħħar ġimgħa nqatlu talanqas għaxar persuni, inklużi tfal, waqt l-isparaturi tar-rokits lejn arthom.

Il-kelliema Iżraeljani qed jgħidu wkoll li nqatlu ‘il fuq minn 130 militant fiż-żmien kollu li ilhom għaddejjin ir-rejds fuq Gaza — iżda tal-Hamas mhumiex jirrikonoxxu din iċ-ċifra.

Sadanittant, komplew l-appelli fuq livell internazzjonali biex jieqaf il-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-militanti Palestinjani.

Il-President tal-Eġittu, Abdul Fattah al-Sisi qal li pajjiżu – li kemm-il darba serva bħala medjatur f’sitwazzjonijiet simili – ‘qed jagħmel li jista’ biex iwassal għal waqfien mill-ġlied wara jiem konsekuttivi ta’ vjolenza u mwiet’

Dan wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ltaqa’ b’urġenza fi tmiem il-ġimgħa – bis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, iwissi li l-konflitt ‘għandu l-potenzjal li jwassal għal kriżi inkontrollabbli minn aspett umanitarju kif ukoll mill-aspett tas-sigurtà’.Fl-istess ħin, Guterres ħareġ appell imqanqal ieħor biex ‘in-naħat partikulari jieqfu minn din il-vjolenza terribbli’.

Madankollu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu għadu determinat li l-attakki fuq Gaza ikomplu ‘fuq l-istess livell intensiv’ – u meta pajjiżu hu determinat li jelimina ‘it-theddida tat-terroristi man-naħa l-oħra tal-fruntiera’. Netanyahu anki rringrazzja lill-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ‘għall-appoġġ tiegħu lil Iżrael f’dan iż-żmien diffiċli’.

Ir-Rappreżentant ta’ Biden għal-Lvant Nofsani, Hady Amr, ilu f’Iżraael minn tmiem il-ġimgħa l-oħra fejn qed jiddiskuti l-kriżi mal-uffiċjali Iżraeljani. Intant, Amr mhux se jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Hamas għaliex l-Istati Uniti (l-istess bħal Iżrael) tqis lill-moviment tal-Palestinjani Iżlamiċi bħala organizzazzjoni terroristika.

Diversi rapporti mil-Lvant Nofsani qalu li tal-Hamas ilhom il-jiem ‘joffru forma ta’ ftehim għall-waqfien mill-ġlied’ u li Iżrael qed jirrifjuta l-offerta. Dan fost indikazzjonijiet li l-Iżraeljani jridu jwettqu l-massimu tal-ħsara għall-iskaptu tal-militanti f’Gaza sakemm l-affarijiet jilħqu jikkalmaw.