Lokali

L-MPA titkellem dwar testijiet tad-droga u alkohol fuq membri tal-Korp

Fi stqarrija, il-Malta Police Association (MPA) għamlet referenza għall-Artikolu 8 tal-Abbozz legali numru 200 li bħalissa qieħed quddiem il-Parlament sabiex permezz tiegħu, jiġi emendat Artikolu 13 tal-Kapitlu 164 tal-liġijiet ta’ Malta.

L-MPA qalet li ma tistax tifhem kif testijiet daqshekk sensittivi, tpoġġew f’emenda mingħajr wisq dettall jew distinzjoni. Għalkemm l-MPA taqbel mat-testijiet ta’ droga għaliex din hija llegali, “l-alkohol mhux u allura jrid ikun hemm parametri ċari ta’ x’inhu l-limitu li ma għandux jinqabeż.”

L-istqarrija kompliet tgħid li l-MPA ma tistax tifhem it-tifsira ta’ “jew xi test simili ieħor” u allura tibża li dan kollu jista’ jwassal għal diskrepanza jew għal interpretazzjoni suġġettiva u li minnha nnifisha tista’ tirriżulta f’abbuż jew diskriminazzjoni.

L-MPA qed titlob li flimkien ma dawn l-emendi, joħorġu wkoll regolamenti ċari rigward l-limitu permessibbli, fuq min u meta jistgħu jsiru dawn it-testijiet.