Internazzjonali

Maħtur Isqof ġdid ta’ Hong Kong fost it-tensjoni maċ-Ċina

Jesuit Father Stephen Chow, provincial of the Jesuits’ Chinese province, was named bishop of Hong Kong by Pope Francis May 17, 2021. The 61-year-old bishop-designate was born in Hong Kong. He is pictured in a 2016 photo. (CNS photo/Don Doll, S.J., courtesy General Curia of the Society of Jesus)

Il-Papa Franġisku ikkonferma lil Stephen Chow bħala l-Isqof ġdid ta’ Hong Kong  — liema territorju, fil-preżent, qed ikun suġġett għal kampanja ta’ ripressjoni miċ-Ċina.

Il-ħatra tal-isqof ġdid, filwaqt li hi waħda sinifikattiva, spikkat ukoll fost id-diżgwid bejn Beijing u l-Vatikan – u meta l-Punent qed jesprimi dejjem aktar inkwiet dwar it-theddida għad-drittijiet umani f’Hong Kong.

L-eks kolonja Britannika ta’ Hong Kong kienet għaddiet taħt il-kontroll taċ-Ċina fl-1997 u t-territorju hu magħruf  madwar id-dinja bħala hub finanzjarju importanti.

Intant, iċ-Ċina qed tinsisti b’kampanja biex tnaqqas il-libertà ta’ Hong Kong bħala distrett semi-awtonomu u fejn qed tieħu dejjem aktar miżuri ħorox kontra l-attivisti favur id-demokrazija f’dan it-territorju.

Fl-istess ħin, il-ħatra ta’ Stephen Chow bħala l-Isqof ta’ Hong Kong kienet ilha mistennija. Dan meta Chow, li jmexxi l-Ordni tal-Ġiżwiti f’Hong Kong, qed jieħu post il-Kardinal John Tong li kien responsabbli mill-kariga ( ta’ Isqof ta’ Hong Kong) f’kapaċità temporanja wara l-mewt tal-Isqof preċedenti, Michael Yeung, f’Jannar tal-2019.

Ir-reliġjużi u uffiċjali ewlenin f’Hong Kong li huma familjari mas-sitwazzjoni qalu li l-Isqof ġdid issa jeħtieġ li jnaqqas it-tensjoni fost id-diversi gruppi li jiffurmaw din il-komunità partikulari. Dan meta f’Hong Kong hemm ir-residenti li jridu li d-djoċesi tagħmel aktar biex tiddefendi l-kunċett tal-libertà fl-eks kolonja Britannika u meta mill-banda l-oħra hemm membri influwenti tal-establishment lokali li qed jappoġġjaw lill-Gvern taċ-Ċina.

Intant, Hong Kong ilu għexieren ta’ snin magħruf ukoll bħala ‘zona Kattolika’ taħt il-kontroll taċ-Ċina li hi amministrata mill-Partit Komunista li jibbaża fuq kunċett tal-ateiżmu.