Internazzjonali Lokali Turiżmu

Malti maħtur Country General Manager tal-Hilton fis-Seychelles

Wara 13-il sena ta’ esperjenza fil-qasam tal-ospitalità miksuba f’pajjiżi bħar-Rumanija, it-Turkija u l-Arab Emirati Magħquda, Andre Borg inħatar Country General Manager tal-Hilton fis-Seychelles.

Borg beda l-karriera tiegħu f’pajjiżna bħala Food & Beverage Manager qabel ingħaqad mal-linja internazzjonali ta’ lukandi, Hilton, f’bosta pajjiżi madwar id-dinja u kien ilu General Manager tal-lukanda Hilton Seychelles Labriz Resort & Spa sa mill-2016.

Il-gazzetta Business Today in Seychelles attribwixxiet din il-ħatra importanti għall-mod kif Andre Borg jiffoka fuq il-kwalità u servizz eċċellenti lill-klijenti. Għalhekk, l-esperjenza li kiseb se tkun ta’ benefiċċju għall-kumpanija sabiex twettaq proġetti speċjali li jwessgħu l-portafoll tal-kumpanija.

F’kummenti li ta lill-istess gazzetta, Andre Borg huwa ħerqan u pprivileġġat li se jkun qed imexxi din il-katina ta’ lukandi fis-Seychelles sabiex Hilton toffri l-aqwa ospitalità ta’ klassi b’mod ġenwin ta’ kuljum.