Lokali Qorti

Malti u Taljan jinżammu arrestati fuq qabda ta’ ħames kilos kokaina

Taljan ta’ 44 sena u Malti ta’ 49 sena, tressqu l-Qorti b’urġenza l-Ħadd filgħodu mixlija li kellhom fil-pussess tagħhom ħames kilos kokaina għal skop ta’ traffikar u ammont ta’ flus kontanti. Walter Baldacchino ta’ 44 sena mill-Belt ġie mixli b’pussess ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, waqt li Claudio Castanò, b’indirizz mhux magħruf, kien mixli b’akkużi simili li jinkludu wkoll importazzjoni u traffikar ta’ droga u b’ħasil ta’ flus. Iż-żewġt wieġbu mhux ħatja,

Baldacchino nstab fil-pussess ta’ tliet kilos droga f’sustanza aktarx kokaina, filwaqt fil-pussess ta’ Castanò, moħbija ġol-vettura tiegħu, instabu 2 kilogrammi oħra mill-istess sustanza, kif ukoll ammont kbir ta’ flus kontanti. Il-prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Alfredo Mangion, qalet li Castanò nqabad ħiereġ minn garaxx f’San Pawl il-Baħar, fejn u wara tfittxija fil-karozza tiegħu nstabu żewġ blokok droga simili għal dawk li nstabu f’appartament fl-istess inħawi.

Il-Maġistrat Ian Farrugia, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Baldacchino. Castanò m’għamel l-ebda talba biex jinħeles mill-arrest. Fil-Qorti ħareġ kif l-iskwadra ta’ kontra d-droga kellha informazzjoni li kienet se tinbiegħ ammont sinifikanti ta’ droga f’San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija għamlet diversi tfittxijiet f’karozzi fiż-żona u kien hemm persuna li rnexxielha taħrab mill-Pulizija b’karozza. Sadaniitant l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Baldacchino u argumentat huwa għandu xogħol u residenza fissa f’Malta, u b’differenza mill-imputat ta’ qablu, dan m’għandux familja barra minn Malta.

Il-Qorti f’dan l-istadju ma laqgħet it-talba u laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li dan jibqa’ miżmum il-ħabs peress li l-Pulizijna għadha għaddejja bl-investigazzjoni dwar dan il-każ u li hemm persuna oħra mfittxija mill-Pulizija li tista’ titressq il-Qorti. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputati. Il-pulizija qalet li l-valur fit-triq tad-droga inkwistjoni jlaħħaq il-kwart ta’ miljun ewro.