EURO 2020 Futbol Sport

U-turn minn Löw | Isejjaħ lil Muller mal-Ġermanja wara sentejn u nofs

Thomas Muller

Joachim Löw biddel fehmtu u ftit aktar minn sentejn wara li sejjaħ l-aħħar lil Thomas Muller mat-tim nazzjonali Ġermaniż, il-kowċ ta’ Die Mannschaft iddeċieda li jerġa’ isejjaħ mill-ġdid lill-attakkant ta’ 31 sena li dan l-istaġun kien fil-forma ma’ Bayern Munich. Fl-2018, wara l-partita li l-Ġermanja kienet temmet fi dro ta’ 2-2 kontra l-Olanda, fil-UEFA Nations League, u meta l-istess Muller kien għadu kemm laħaq it-tragward ta’ 100 partita mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, Löw kien ħabbar li ma kienx se jibqa’ jagħżel aktar lil Muller u flimkien miegħu kien hemm ukoll Jerome Boateng u Mats Hummels.

Löw kien ħa din id-deċiżjoni bil-ħsieb li jagħti aktar spazju lit-talent żagħżugħ Ġermaniż u saħansitra, dak in-nhar, kien qal li “ninsab konvint li din hija l-aħjar deċiżjoni.” Muller ma kienx kuntent b’din id-deċiżjoni, u kien tenna li din id-deċiżjoni ma kienx qed jistenniha. Illum, lejliet il-bidu tal-Euro 2020, Löw iddeċieda li jmur lura minn dak li kien qal dwar Muller, u se jkun qed jinkludi lil plejer mill-ġdid fis-selezzjoni finali tal-Ġermanja. Għall-Löw dan se jkun l-aħħar turnament tiegħu mat-tim nazzjonali Ġermaniż, mill-2006.