Lokali Qorti

Allegat vittma ta’ attentat ta’ qtil jitressaq il-Qorti fuq droga

Żagħżugħ Sudaniż ta’ 22 sena li allegatament kien il-vittma ta’ attentat ta’ qtil fi ġlieda li seħħet il-Marsa nhar il-Ġimgħa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmane Galea li kellu fil-pusses tiegħu 41 qartas ta’ droga sintetika f’ċirkostanzi li turi li ma kinitx għal użu personali tiegħu.

Ahmed Mohammed Moummi residenti l-Marsa wieġeb mhux ħati li kellu fil-pusses tiegħu din id-droga u li kkommetta reat f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola, klabb jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. L-Ispettur Steven-Ryan Micallef, li flimkien mal-Ispettur Andy Rotin ressqu lis-Sudaniż qal li Moummi huwa l-vittma fi ġlieda li seħħet il-Marsa, u li meta l-Pulizija kienet qed tinvestiga l-każ, raw lill-akkużat jaġixxi b’mod suspettż.

Huma għamlu tfittxija fir-residenza tiegħu fejn hemm sabulu d-droga. Meta mistoqsi dwar dan qalilhom li huwa jagħmel użu sew mid-droga, u meta l-Pulizija vverfikat dan kollu rriżultalha li huwa minnu li huwa vvizzjat sew mhux biss fejn tidħol droga, iżda wkoll fejn jidħol xorb alkoħoliku.

L-Ispettur Micallef qal li l-verżjoni ta’ Moummi hija li għalhekk kellu ħafna droga minħabba li huwa ‘heavy user’, madankollu qal li mhux qed jiġi emmnut minħabba l-fatt li d-droga kienet maqsuma f’ħafna pakketti żgħar li tagħti lok li din ma kienitx għal użu tiegħu. L-Avukat Chris Chircop ma talabx għal libertà proviżorja ta’ Moummi u għalhekk wara li tressaq ġie eskortat lejn il-ħabs.

Nhar it-Tnejn tressaq żagħżugħ ieħor Sudaniż mixli bl-aggressjoni u attentat ta’ qtil  ta’ Moummi fejn ġie allegat li tah daqqiet ta’ sikkina, u li wkoll kellu fil-pusses tiegħu drogi sintetiċi. Mahmed Ibrahim Osman, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Safi qed jgħid li huwa ta bis-sikkina biex jiddeffendi lilu nniffsu mill-aggressjoni ta’ Moummi.