Lokali Parlament

Appell għal soluzzjoni għall-parkeġġ u d-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna fil-parlament llejla li jeħtieġ jinstabu soluzzjonijiet immedjati għall-problemi tan-nuqqas ta’ parkeġġ u d-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq.

Toni Bezzina tkellem dwar in-nuqqas ta’ parkeġġ fiż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq u qal li l-parkeġġ li hemm jista’ jitkabbar għalkemm jista’ jkun hemm problemi ambjentali. Jista’ jsir ukoll skavar fil-parkeġġ u għalhekk ma jkunx hemm problemi ambjentali. Dan il-parkeġġ jerġa’ jqajjem l-attività kummerċjali fiż-żona.

Hu tkellem dwar in-nuqqas ta’ drenaġġ li hemm f’din iż-żona u qal li din hi problema kbira. Għandu jsir ukoll investiment qawwi mit-tisbiħ taż-żona biex iktar turisti jżuru din iż-żona.

Hu rringrazzja lil dawk kollha li appoġġjawh fid-dikjarazzjoni tal-pulizija li m’hemm l-ebda każ ta’ korruzzjoni fil-konfront tiegħu, speċjalment lill-familja u lill-ħbieb tiegħu. Se nkompli nħares ‘il quddiem biex inkompli nkun ir-rappreżentant denju tal-ħames distrett u tal-poplu Malti, sostna Toni Bezzina.

Id-deputat Nazzjonalista qal li x-xogħol li qed isir fil-Pjazza tal-Imqabba biex jitneħħew il-cables mill-faċċati hi inizjattiva tajba ħafna. Hu appella biex jibdew isiru kanali taħt wiċċ it-toroq biex minnhom jgħaddu s-servizzi kollha. Jidher li l-gvern ma jridx iwettaq din il-proposta f’toroq residenzjali.