Lokali

Bżonn ta’ direzzjoni ekonomika b’viżjoni fit-tul – Bernard Grech

Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet ta’ Gvern ġdid immexxi minni tkun programm ta’ investiment b’saħħtu li jkun intiż biex jixpruna investiment lokali fis-setturi ta’ prioritá li ser inkunu qed infasslu u mmexxu ‘il quddiem. Fl-istess waqt hemm bżonn ta’ ekonomija mibnija fuq viżjoni fit-tul.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-Kamra tal-Kummerċ fejn iltaqa’ mat-tmexxija l-ġdida li se tmexxi lil din l-entitá għas-sentejn li ġejjin.

Mal-Kamra tal-Kummerċ Bernard Grech qasam magħhom il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar ilfutur ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. Ried iwassal messaġġ ta’ tama lil dawk li jħaddmu, lil dawk li jinvestu, lil dawk li joħolmu b’intrapriżi innovattivi: l-imprendituri ta’ pajjiżna.

Bernard Grech saħaq li m’hemmx dubju li pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida fl-ekonomija tagħna – dan anke bl-ammissjoni tal-Gvern stess. Il-mudell ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista huwa mibni fuq il-bini ta’ setturi ekonomiċi ġodda li jkunu setturi li għandom il-potenzjal li jiffaċilitaw kemm investiment lokali u kif ukoll barrani, jinħolqu aktar impjiegi b’pagi aħjar. Partit Nazzjonalista filGvern iservi ta’ strument tal-aspirazzjonijiet tal-imprendituri u taż-żgħażagħ tagħna.

Bernard Grech temm jgħid li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ekonomika b’setturi li jrendu u li jagħmlulna ġieħ u mhux li jtappnulna r-reputazzjoni tagħna.

Min-naħa tagħha il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb saħqet li min-negozu jiddependi kulħadd filwaqt li sostniet li taħt l-amministrazzjoni l-ġdida, l-kamra tal-kummerċ għandha l-iskop li tkompli tinbidel bħala waħda li tħares aktar ‘il quddiem b’viżjoni.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm id-deputati Claudio Grech u Kristy Debono u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Giorgio Schembri.