Lokali

Cyber Attack fuq il-PN: Il-PN itenni li mhux se jinnegozja ma’ kriminali

Id-data personali ta’ iktar minn 21,000 persuna ġew illikjati fuq id-Dark Web wara li x-xahar li għadda, hackers irnexxielhom jidħlu f’wieħed mill-kompjuters tal-Partit Nazzjonalista.

Il-file jidher li fih dettalji ta’ persuni tesserati fl-2015. Jidher li nħarġu wkoll dettalji personali ta’ impjegati mal-PN u mal-kumpanija Media Link. Jirrizulta li data iktar riċenti ma kienitx milquta mill-ezercizzju ta’ hacking.

F’kumment ma’ Net News, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech qal li l-PN qed jieħu l-miżuri kollha biex inaqqas l-effetti ta’ dan is-cyberattack u qed jikkopera bis-sħiħ mal-inkjesta maġisterjali li għaddejja bħalissa.

Hu qal ukoll li persuni jew entitajiet li kisbu aċċess għal din id-data u jagħmlu użu minnha, ikunu qed ipoġġu ruħhom kompliċi f’reat kriminali.

Il-hackers kienu taw ultimatum ta’ għaxart’ijiem li jillikjaw id-data jekk il-PN ma jħallasx somma flus.  Bil-Kap tal-PN Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech kemm-il darba iddikjaraw li mhux se jinnegozjaw ma’ kriminali.