Lokali Parlament

Fin-Nadur insterqu artijiet kbar; il-gvern ma jridx jinvestiga

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li dak li seħħ fin-Nadur fl-aħħar xhur bir-reġistrazzjoni ta' artijiet kbar b'kuntratti ta' 300 sena ilu hu serq iżda l-gvern ma jridx jinvestiga.

Fil-parlament Beppe Fenech Adami qal li s-sistemi tar-reġistrazzjoni tal-artijiet m'għandhomx jagħmluha diffiċli biex ikun identifikat is-sid ta' propjetà. Hu sostna li fil-pajjiż saret evuluzzjoni kbira fil-mod kif isiru r-riċerki u spjega kif kien gvern Nazzjonalista li għamel riformi kbar fil-mod kif ir-riċerki jsiru b'mod kompjuterizzat. 

Id-deputat Nazzjonalista qal li n-nutara jilmentaw għall-mod kif żdied ix-xogħol b'mod li ma jistgħux jaħdmu b'effiċjenza bħal qabel. Dan minħabba l-miżuri li kellu jdaħħal il-pajjiż fejn il-pajjiż tilef ir-reputazzjoni tiegħu bil-gvern jitfa' ħafna xogħol fuq in-nutara. Illum hawn nutara li qed jaqtgħu qalbhom li jkomplu jaħdmu f'din il-professjoni.

Beppe Fenech Adami qal li l-liġi taħseb għal siti ta' artijiet reġistrazzjoni li tkun tista' reġistrata f'isem persuna. Is-sistema llum hi li persuna tista' tirreġistra art f'isimha u jekk jgħaddu 10 snin bla kontestazzjoni, joħroġ titlu garantit fuq dik il-propjetà. 

Hu qal li s-sitwazzjoni fid-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet hi skandlu amministrattiv b'sistema li ma taħdmix.

Is-sitema hi waħda ta' diżastru fl-ipproċessar ta' numru ta' applikazzjonijiet biex jinħarġu ċ-ċertifikazzjoni tal-artijiet, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li żgħażagħ li xtraw propjetà mingħalihom għandhom kollox sew meta fil-fatt hemm ammont kbir ta' propjetà trasferita iżda li ċ-ċertifkati mhux jindikaw il-propjetà fuq l-isem tal-persuni li xtrawhom. Dan ifisser li min xtara ma jkollu xejn għaliex il-propjetà tkun għadha tidher fuq il-propjetà ta' qabel.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan qed iseħħ minħabba s-sitwazzjoni li fiha dar waħda tkun konvertita fi blokk appartamenti. Il-konsegwenzi ta' din is-sitwazzjoni huma kbar għaliex il-propjetajiet ma jistħux jinbiegħu.

Beppe Fenech Adami kompla li din is-sitwazzjoni qed tikkaġuna problemi mal-banek u appella biex il-gvern jieħu l-miżuri neċessarji. Hu spjega li l-gvern qed iressaq liġi minħabba dak li seħħ f'Għawdex; sitwazzjoni li għandha l-fattizzi ta' skandlu ieħor. 

Li ġara kien li numru kbir ta' familji fin-Nadur skoprew li dak li ken mingħalihom kien tagħhom ma kien tagħhom xejn. Id-djar tagħhom kienu reġistrati fuq ħaddieħor u li huma m'għadx għandhom titlu fuq id-djar tagħhom stess.

Id-deputat Nazzjonalista qal li f'Għawdex kien hemm snin bla żoni ta' art ta' reġistrazzjoni iżda f'daqqa waħda medda kbira ta' art fin-Nadur kienet dikjarta żona ta' reġistrazzjoni. B'mod immedjat ukoll fuq l-istess medda art kienu reġistrazzjoni titlu fuq il-bażi ta' kuntratti ta' 300 sena ilu. 

Bla mistoqsijiet, id-Dipartiment irreġistra dawn l-artijiet fuq dawn il-persuna bil-konsegwenza li dak li kellohm numru ta' familja illum m'għandhom xejn. Kif jista' jkun li ġara dan meta hemm sistema kompjterizzata? Toroq sħaħ fin-Nadur kienu misruqa minn sidien u ħadd ma tkellem xejn sakemm il-poplu skopra dak li kien ġara. 

Dak li ġara f'Għawdex jimmerita investigazzjoni, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-gvern qed jirrifjuta li jinvestiga x'ġara; għal raġunijiet tiegħu. Kif jista' jkun li fl-2021 xi ħadd jisraq territorji sħaħ fin-Nadur u l-gvern jibqa' kwiet u ma jagħtix sodisfazzjon lill-poplu.

Beppe Fenech Adami kompla li l-Prim Ministru kien mar Għawdex u tkellem man-Nadurin biex iserrħilhom rashom li l-problema se tkun indirizzata. Sena wara, l-problema għadha hemm, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-gvern issa qed jgħi li se jindirizza l-problema billi l-Avukat tal-Istat jiftaħ kawża kontra r-Reġistratur u kontra min ikun irreġistra l-art fuq ismu.

Beppe Fenech Adami qal li ma jagħmilx sens li l-Avukat tal-Istat jagħmel kawża kontra r-Reġistrat; kawża tal-gvern kontra l-gvern stess. Din hi s-soluzzjoni lin-nies tan-Nadur?  Issa qed jgħidulhom biss li se tinfetaħ kawża! Dan meta l-qorti għandha tkun l-aħħar għażla; meta l-Prim Ministru mar kellimhom, għal sena sħiħa m'għamel xejn u issa jrid li tinfetaħ kawża.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li b'din is-suppost soluzzjoni, mhux se jkun hemm soluzzjonijiet u sostna li l-gvern ġab biss soluzzjoni li ssir kawża. Hu qal li hemm metodi oħra kif setgħet kienet indirizzata din il-problema u sostna li fejn ir-reġistrazzjoni hi abbużiva, ir-Reġistratur għandu jkollu l-poter li jaġixxi. Bħalissa r-Reġistratur diġà għandu l-poter li jirrevedi dik is-sitwazzjoni, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li hu serq.