Internazzjonali

GAZA:Il-waqfien mill-ġlied qed jidher ‘il bogħod b’Iżrael x’aktarx li se jkompli bl-attakki

The sky is lit by an explosion above buildings in Gaza City as Israeli forces shell the Palestinian enclave, early on May 18, 2021. - Israeli jets kept up a barrage of air strikes against the Palestinian enclave of Gaza as a week of violence that has killed more than 200 people pushed world leaders to step up mediation. (Photo by Mahmud hams / AFP)

L-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani kienu involuti f’offensiva ġdida mill-ajru fuq il-militanti fil-Medda ta’ Gaza minkejja rapporti konfliġġenti dwar ‘pawża qasira’ fl-ostilitajiet.

Fil-fatt, it-Tmexxija Iżraeljana qalet li l-attakki fuq il-militanti tal-Hamas kellhom ikomplu minkejja l-appelli mqanqlin tal-mexxejja dinjija biex il-ġellieda tar-reġjun jagħtu ċans lill-isforzi għall-medjazzjoni f’dan il-konflitt.

Intant, il-militanti f’Gaza, fil-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta sparaw għexieren oħra ta’ missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Fl-aħħar sigħat ukoll, irrankaw l-isforzi internazzjonali  għal waqfien mill-ġlied fir-reġjun ta’ Gaza, bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, jiddiskuti s-sitwazzjoni allarmanti flimkien mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Eġittu, il-Ġordan, it-Tuneżija, il-Qatar u l-Arabja Sawdija.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, iddikjara l-appoġġ tiegħu għal waqfien mill-ġlied waqt diskursata mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu. Dan waqt li Antony Blinken insista għall-ħtieġa li l-Iżraeljani u l-Palestinjani tal-Hamas ‘jimpenjaw ruħhom għal kalma fit-tul’ biex ma jirriżultawx aktar vittmi mill-konflitt.

Filwaqt li l-Iżraeljani ‘il quddiem, jistgħu jiddeċiedu li jaqbdu t-triq tad-diplomazija, mhux eskluż li huma ‘iżidu l-offensiva’ fuq tal-Hamas wara li, fl-aħħar ġimgħa, niżlu ‘il fuq minn 3,000 missila fuq l-ibliet u l-villaġġi ta’ Iżrael.

Madankollu, il-ġlied ‘min-naħa għall-oħra’ tal-fruntiera deher ibatti ftit fl-aħħar sigħat, bl-awtoritajiet f’Gaza ma jirrappurtaw l-ebda ‘mejtin ġodda’ għall-ewwel darba mindu żbruffaw l-ostilitajiet ma’ Iżrael fl-10 ta’ Mejju. L-osservaturi, fl-aħħar sigħat, qalu wkoll li kienu sparati anqas missili għal fuq id-distanzi twal minn Gaza lejn Iżrael.

Fl-aħħar tmint ijiem mietu ‘il fuq minn 220 Palestinjan ( fosthom 61 tifel u tifla) waqt il-ġlied, waqt li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn għaxar Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani – li kienu jinkludu ammont kbir ta’ fighter jets — attakkaw madwar 70 mira tal-Hamas f’Gaza.

Fil-lejl tat-Tnejn, intant, kienu sparati numru żgħir ta’ balal mil-Libanu lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael – u mingħajr ma laqtu t-territorji tal-Iżraeljani. Is-sorsi tas-sigurtà Lebaniżi qalu, wara, li kienu għaddejjin l-isforzi biex jidentifikaw ‘is-sors tal-isparar’, bl-artillerija ta’ Iżrael ukoll tibbumbardja lill-artijiet tal-Libanu għal perjodu ta’ żmien.