Lokali

“Il-Gvern tilef opportunità li jindirizza l-problema tal-kirjiet darba għal dejjem” – PN

Il-Partit Nazzjonalista hu diżappuntat ferm illi l-proposti li għamel sabiex titjieb il-liġi tal-kirjiet protetti ma ngħatawx widen mill-Gvern.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar, Ivan Bartolo kif ukoll tal-Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, Joe Ellis, fejn tkompli tgħid li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista kienu ntiżi sabiex il-proċess tar-reviżjoni tal-kera ta’ ċirka 10,000 kirja protetta li hawn fil-pajjiż isir bl-aktar mod sempliċi mingħajr il-ħtieġa, sakemm possibli, li wieħed ikollu jmur il-qorti. Madankollu, il-Gvern ried li akkost ta’ kollox il-proċess ta’ kif ser tiġi kkalkulata l-kera l-ġdida isir fil-Bord tal-Kera, bord li fl-aħħar sentejn ma qatax aktar minn mija u tletin sentenza fis-sena.

L-istqarrija tkompli li dan ser ifisser dewmien twil kemm għas-sidien kif ukoll għall-inkwilini illi ser ikollhom jgħaddu minn kalvarju sakemm tiġi stabilita l-kera li issa l-liġi ser tippermetti. Il-Partit Nazzjonalista żamm l-istess prinċipju ta’ partenza tal-Gvern imma ppropona illi ż-żieda tista’ ssir permezz ta’ ittra uffiċjali li tiffissa l-kera l-ġdida abbażi ta’ stima maħlufa ta’ perit. Fil-każ biss illi l-inkwilin jew l-Awtorità tad-Djar joġġezzjonaw għal din il-kirja illi l-kawża tispiċċa quddiem il-Bord tal-Kera. Fir-rigward tas-sussidju li l-inkwilin jista’ jibbenefika minnu, l-Partit Nazzjonalista ppropona illi t-test tal-mezzi jsir mill-Awtorità tad-Djar kif isir fir-rigward ta’ benefiċċji soċjali oħra. B’hekk, tonqos il-pressjoni fuq il-Bord tal-Kera illi jrid iwettaq it-test tal-mezzi hu meta hu mgħobbi b’ħafna xogħol. Imma l-anqas din il-proposta ma aċċetta l-gvern.

Fl-aħħarnett, il-Partit Nazzjonalista oġġezzjona għall-proposta tal-Gvern illi l-kawżi tal-kera ma jkollhomx għalfejn imorru medjazzjoni qabel. Din il-medjazzjoni kienet ġiet introdotta ftit snin ilu wara li tnieda Ċentru tal-Medjazzjoni bl-għan illi jkun hemm metodu alternattiv għall-qorti sabiex jiġu riżolti l-kwistjonijiet bejn il-partijiet. Ma jagħmilx sens illi issa l-Gvern jarmi dan il-proċess ta’ medjazzjoni li jista’ jikkontribwixxi sabiex il-partijiet isolvu l-kwistjonijiet ta’ bejniethom malajr u mingħajr infieq żejjed ta’ flus u mingħajr il-ħtieġa li jmorru l-qorti. B’hekk, tonqos ukoll il-pressjoni enormi li teżisti fuq il-Bord tal-Kera.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li jidher ċar illi l-Gvern ma kienx interessat illi tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kwistjoni tal-kirjiet protetti imma biss li l-ispiża tiegħu tkun limitata kemm jista’ jkun. Aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma jdumu l-proċeduri l-qorti, dawn il-kirjiet jonqsu u l-piż potenzjali fuq il-Gvern jonqos ukoll. Imma dan m’hux il-mod kif issir ġustizzja mas-sidien li ilhom ibatu l-konsegwenzi tal-liġijiet tal-kera, u l-anqas għall-inkwilini li jinsabu fi stat ta’ inċertezza x’ser jiġri minnhom.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-liġi li finalment approva l-Parlament mhix adekwata u ser tagħti lok għal aktar proċeduri fil-Qorti Kostituzzjonali li eventwalment irid jagħmel tajjeb għall-eżitu tagħhom min iħallas it-taxxi. Sfortunatament, il-Parlament tilef opportunità oħra sabiex jindirizza din il-problema darba għal dejjem minkejja l-isforzi kollha tal-Oppożizzjoni.