Lokali

Il-Ministri jibqgħu jiddefendu lil seħibhom Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana ma jħossuhomx skomdi ghall-fatt li l-Pulizija qiegħda tinvestiga lil seħibhom, il-Ministru Carmelo Abela, li miegħu jaqsmu spalla ma’ spalla l-Kabinett ta’ Robert Abela. Dan wara li l-allegazzjonijiet qed jorbtu lill-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru b’kompliċità fl-attentat hold-up mill-kwartieri tal-Bank HSBC lura fl-2010.

It-Tlieta filgħodu Net News staqsa liż-żewġ Ministri jekk jaħsbux li l-Ministru Carmelo Abela għandux jissospendi lilu nnifsu sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet. Madanakollu Silvio Schembri insista li kulħadd għandu jerfà r-responsabbiltà skont l-eżitu tal-investigazzjoni.

Dan filwaqt li l-Ministru Justyne Caruana ma dehrilhiex li għandha jkollha opinjoni fuq suġġett tant sensittiv li jirrigwarda lil kollega tagħha, u farfritha fuq il-Qrati.

Fl-ahhar jiem, il-Partit Nazzjonalista insista li quddiem dawn l-iżviluppi ġodda l-Ministru Carmelo Abela m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jirreżenzja sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet – għaliex il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex waħda tenibbli. Bil-PN jghid illi mkien fid-dinja …fejn suppost jaħdmu l-istituzzjonijiet…ma jkollok Ministru li jkun qed jiġi investigat b’rabta ma’ hold-up ..u dan iżomm postu.

Dan kollu wara li l-akkużati bl-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa George u Alfred Degiorgio…flimkien ma’ Vincent Muscat li ammetta l-parteċipazzjoni tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista…talbu għal proklama bil-wiegħda li fost oħrajn jikxfu l-isem ta’ eks Ministru u Ministru preżenti fil-kabinett ta’ Robert Abela ….li kellhom x’jaqsmu ma’ hold-up.

Allegazzjonijiet serji li s’issa ma waslu għall-ebda proklama u l-ebda sospensjoni…fejn ħadd s’issa minn naha tal-Gvern Laburista għadu ma refa’ r-responsabbilità politika għal tali stqarrijiet. 

S’issa, il-Prim Ministru ghadu ma ha ebda azzjoni fil-konfront ta’ Carmelo Abela.