Il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja Maltin u l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati faħħru s-sens ta’ dixxiplina u solidarjetà li urew ħafna Maltin u Għawdxin waqt li segwew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa fl-isforzi nazzjonali biex tkun miżmuma l-pandemija u nsostnu l-għixien tal-familji kif ukoll is-servizzi mediċi.
Fi stqarrija, iż-żewġ organizzazzjonijiet volontarji fakkru li t-Tobba tal-Familja baqgħu jieħdu ħsieb il-benessere fiżiku, soċjali u psikoloġiku ta’ kulħadd, fosthom bit-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa ħalli din tkun ta’ kwalità affordabbli għal kulħadd.
It-Tobba tal-Familja kienu fost tal-ewwel li kienu involuti fl-isforzi kontra l-pandemija, filwaqt li baqgħu jissieltu mal-kundizzjonijiet mediċi l-oħrajn kollha li baqgħu jaffettwaw saħħet in-nies. Dan għamluh billi żammew l-approċċ tradizzjonali li l-pazjent jiġi l-ewwel, filwaqt li ħaddnu teknoloġiji ġodda li għenuhom ikomplu l-missjoni u l-vokazzjoni tagħhom.
L-organizzazzjonijiet qalu li t-Tobba tal-Familja se jkomplu jipprovdu appoġġ lill-pazjenti fil-komunitajiet tagħhom ħalli jassiguraw kontinwità ta’ kura matul il-ħajja. Għax il-kura kontinwa minn Tabib tal-Familja regolari hi waħda mill-pilastri ta’ ħajja sana twila.
Huma ħeġġew lis-soċjetà biex twarrab il-ħsieb li mmorru lura għan-normal ta’ qabel, iżda minflok, jistinkaw għan-normal xieraq, fejn il-benessere hu fil-qalba tal-pjanijiet u tal-azzjonijiet tal-pajjiż.
//= $special ?>