Lokali Parlament

Jeħtieġ riforma sħiħa fir-reġistrazzjoni tal-artijiet

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia insista li għandha ssir riforma sħiħa fir-reġistrazzjoni tal-rtijiet biex iċ-ċittadini li jixtru l-art ikollhom is-serħan il-moħħ li l-propjetà li huma xtraw tkun vermanet tagħhom.

Fil-parlament Adrian Delia tkellem dwar il-problemi li hemm fir-Reġistru tal-Artijiet u spjega li l-anomaliji ewlenin fir-reġistrazzjoni tal-artijiet mhux qed ikunu trattati mill-gvern.

Hu spjega li dawn huma anomaliji li qed iwasslu biex l-artijiet li fuqhom hemm mibnija d-djar ikunu propjetà ta’ ħaddieħor. Hu semma’ l-każ tan-Nadur fejn kien hemm territorju kbir u qal li din tista’ ssir ukoll kullimkien.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li se jġorr il-piż meta fil-fatt qed joħloq iktar inċertezza. Hu sostna li mhux biss l-individwi jistgħu jidħlu l-qorti iżda l-Avukat tal-Istat ukoll jista’ jmur il-qorti; qed tinħoloq ċertezza ta’ konfużjoni f’settur fejn il-konfort legali fix-xiri tal-propjetà jkun garantit.

Adrian Delia kompla li l-liġi qed tikkrea inċertezza fejn hemm id-dubji u qal li din l-inċertezza se teffettwa wkoll l-azzjonijiet li jieħdu l-banek. B’din il-liġi, l-azzjoni li kien jista’ jagħmel l-individwi issa tista’ ssir mill-gvern jew minn ħaddieħor li mhux definit.

Meta tratta s-soluzzjonijiet, Adrian Delia qal li hemm pajjiżi li meta tinxtara propjetà jkun hemm dokument ta’ trasferiment. B’din is-sistema r-Reġistratur ikollu s-saħħa b’liġi li jara l-affarijiet ikunu saru sew.

Waħda mill-problemi ewlenin hi li fl-aħħar snin ma sarx investiment fir-Reġsitru tal-Artijiet; dan hu wieħed mill-iktar dipartimenti diżorganizzati. Hu appella biex il-gvern iwettaq l-investiment meħtieġ għal din l-organizzazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern jagħmel ħafna iktar biex tissolva l-problema tan-Nadur u biex is-sistema tissewwa għaliex din għandha ħafna xquq.