Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana ppreżentat kwerela kontra oħt u l-eks mara ta’ Daniel Bogdanovic b’allegazzjonijiet li segwewha bi ħsieb malizzjuż. Dan wara li rapporti qed jgħidu li l-eks mara tal-eks futboler segwiet lil żewġha sa ħdejn il-vapur tal-Gozo Channel biex tieħodlu ritratt mal-Ministru Caruana.
Is-sit tal-MaltaToday irrapporta li l-Ispettur li fetaħ ir-rapport hu Josef Gauci, li jiġi ħu Steven Gauci, l-Assistent Segretarju Privat ta’ Justyne Caruana fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-każ mistenni jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla, bil-mara tiffaċċja wkoll akkużi li ħolqot biża’ ta’ vjolenza, kif ukoll li għajtet insulti u theddid, fost l-oħrajn.
Daniel Bogdanovic hu meqjus bħala ħabib qrib ħafna tal-Ministru Caruana. Fl-2019, meta hi kienet Ministru għal Għawdex, l-eks futboler ingħata impjieg mal-Gvern fi ħdan l-istess Ministeru. U wara li f’Novembru 2020 Caruana nħatret Ministru tal-Edukazzjoni, informazzjoni mis-sistema taċ-Ċivil uriet li – xahar biss wara – Bogdanovic iddaħħal jaħdem bħala “Edukatur Sportiv”.
Dan qabel ma, f’Jannar ta’ din is-sena, hu ngħata kuntratt ġdid ta’ €5,000 fix-xahar biex isegwi l-mod kif qed titħaddem l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, li wkoll taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Justyne Caruana.
Madanakollu t-Tnejn filgħodu sar magħruf ukoll li l-Ministru għall-Edukazzjoni rtirat il-kwerela fil-konfront tal-eks mara tal-eks futboler.
Bil-każ li kien mistenni jibda din il-ġimgħa quddiem il-Qorti t’Għawdex, Times of Malta rrapportat li Justyne Caruana rtirat kollox wara li saħqet li matul dan iż-żmien l-istalking waqaf.
Huwa mifhum li d-difiża kienet qed tħejji biex tressaq 40 xhieda, inkluż ħaddiema mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.
//= $special ?>