Internazzjonali

Mal-2,700 immigrant jintbagħtu lura minn Spanja lejn il-Marokk

Il-Ministru Spanjol għall-Intern, Fernando Grande-Marlaska iddettalja l-mod kif il-Gvern tiegħu qed jirreaġġixxi fir-rigward tal-aħħar movimenti tal-immigranti illegali lejn it-territorji li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ta’ Madrid.

Grande-Marlaska ħabbar ukoll li Spanja rritornat lejn il-Marokk ‘madwar nofs (2,700) l-immigranti’ li rnexxielhom jidħlu fit-territorju Afrikan ta’ Cueta li jaqa’ taħt is-sovranità ta’ Spanja. Fl-istess ħin, il-Ministeru Spanjol għall-Intern qal li r-reinforzi mill-iskwadri tal-gwardjani ċivili u l-pulizija Spanjola qegħdin jintbagħtu minufih lejn Ceuta.

Il-Gvern ta’ Spanja qed itenni li t-territorju ta’ Ceuta hu ‘Spanjol’ daqs l-ibliet ta’ Madrid, Seville u Barċellona – u li mhux se jżomm lura biex jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jappoġġja liċ-ċittadini fit-territorju Afrikan. Il-kelliema tal-Gvern qalu li ‘kriżi emigratorja ta’ din in-natura  teħtieġ politika karatterizzata mill-prudenza u sens ta’ ordni bil-għan li jkunu evitati sitwazzjonijiet li jiġġeneraw it-tensjoni fost iċ-ċittadini’.