Lokali

Melita tniedi 5G Network bi pjanijiet Endless mobile data

Melita Limited tat bidu għal era ġdida fil-komunikazzjonijiet mobbli billi saret l-ewwel operatur f’Malta li qed tniedi 5G. It-tnedija ta’ dan in-netwerk mobbli tal-ħames ġenerazzjoni ssegwi investiment ta’ bosta miljuni ta’ ewro f’netwerk avvanzat ta’ Ericsson.

B’riżultat ta’ dan, il-klijenti kollha ta’ Melita għandhom Endless MObile plan, jew Business 5G mobile plan ġdid flimkien ma’ apparat li jista’ jitqabbad mal-5G jistgħu jużaw netwerk 5G.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, Harald Roesch sostna li dan il-jum mhux biss għal Melita iżda wkoll għal Malta hekk kif saret waħda mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li għandhom kopertura 5G mal-pajjiż kollu. Hi wkoll l-aħħar minn sensiela ta’ passi li Melita ħadet matul dawn l-aħħar snin sabiex tiżgura li jkunu jistgħu jwasslu l-aħjar konnettività u servizz possibbli lill-klijenti residenzjali u kummerċjali kollha tagħhom.

Intant, it-tnedija ta’ 5G se tkun qed iżżid b’mod sinifikanti l-kapaċità tan-netwerk mobbli ta’ Melita. Dan ifisser li ħafna aktar apparati se jkunu jistgħu jitqabbdu man-netwerk fl-istess ħin, filwaqt li twassal ukoll veloitajiet aktar u ħinijiet ta’ rispons aktar mgħaġġla. Dan jirriżulta f’esperjenza aħjar u bla xkiel għall-klijenti filwaqt li jiftaħ l-opportunità sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji u servizzi ġodda, inkluża l-espansjoni aċċellerata tal-Internet of Things.

Il-kumpanija Melita ħadet f’kunsiderazzjoni wkoll ir-riskji fuq is-saħħa tal-bniedem assoċjati ma’ din it-tip ta’ teknoloġija – u għaldaqstant saħqet li se tkun qed tippubblika online l-livelli tal-emmissjonijiet tal-electromagnetic radiation.

Madanakollu l-Kap Eżekuttiv ta’ Melita insista li l-emmissjonijiet huma nqas minn 1%.

It-teknoloġija tal-5G hija garanzija għal internet aktar mgħaġġel, kif ukoll kruċjali għas-settur tal-industrija u tas-saħħa.