Lokali Qorti

Semgħu jgħid, “meta se ttini l-pagament?”

Ħamest t’ijiem qabel ma nqatel l-Avukat Carmel Chircop Surġent tal-Pulizija li kien jafu sew rah għaddej minn maġenbu jitkellem fuq il-mobajl. Fil-Qorti s-Surġent Emmanuel Scicluna qal, “kien liebes qmis bajda, kien irrabjat u smajt diskors, ‘meta se ttini l-pagament? Ilek tgħidli dawn l-affarijiet żmien.’

“Jien sellimtlu b’rasi. Kien is-Sibt u madwar ġimgħa wara, kont xogħol u smajt li kien nqatel l-Avukat Carmel Chircop.  Meta ndunajt għedt li dan seta’ kien ir-raġel li kien qed jitkellem miegħu. Kont nafu għax kien involut fil-każin tal-banda,” qal ix-xhud.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każijiet tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017. L-akkużati huma l-aħwa Robert Agius ta’ 37 sena u ħuh Adrian Agius ta’ 33 sena, magħrufin bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella ta’ 37 sena, u George Degiorgio ta’ 55 sena, magħruf bħala ċ-Ċiniż, li qed jaffaċċja proċeduri separati fuq l-involviment tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista flimkien ma’ ħuh, Alfred Degiorgio.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015 u kien il-jum tal-Ħamis, kmieni filgħodu. Is-Surġent Emanuel Scicluna qal li Ilu 33 sena fil-Korp tal-Pulizija. Bejn Mejju tal-2014 sa Ġunju tal-2020 kien stazzjonat fl-għassa ta’ Birkirkara u qal li sar jaf lill-Avukat għax dan kien President tal-Għaqda tal-Banda.

Saħaq li darba minnhom f’Ottubru tal-2015, kien is-Sibt, ra lil Chircop, u dan kien għall-ħabta tal-10.30am. Kien liebes qmis bajda, “dejjem kien jilbes pulit,”. Qal li huwa ma kienx xogħol għax kien jaħdem mit-Tnejn sal-Ġimgħa. “Għadda minn maġenbi eżatt. “Kien irrabjat u smajt diskors, ‘Meta se ttini l-pagament? Ilek tgħidli dawn l-affarijiet.’ Sellimtlu b’rasi.”

Madwar ġimgħa wara, is-Surġent kien xogħol u sema’ li kien nqatel l-Avukat Carmel Chircop.  Meta rajt min hu suspettat fil-qtil, ħass li dan seta’ kien ir-raġel li ra jitkellem ma’ Dr Chircop, li wettaq dan ir-reat. Lill-Ispettur Zammit kont għidtilha b’kollox x’rajt is-Sibt ta’ qabel, fejn rajtu eżatt, il-ħin li rajtu, x’kien liebes u xi smajtu jgħid,” sostna s-Surġent.

L-ewwel xhud kien Raymond Schembri li jbiegħ il-karozzi fejn qal li ilu 25 sena u jmexxi n-negozju tiegħu minn Ħal Farruġ. Huwa għandu żewġ ħwienet, l-ieħor jinsab Ħal-Qormi imma dan dejjem ikun magħluq. Fl-awla qal li ma kien qed jagħraf lil ħadd minn dawk li kienu fl-iżbarra. Dwar kirja partikolari fejn kien kera karozza Hyndai I10 bajda. Ma jiftakarx f’liema sena kienet imma jiftakar li kriha lil Alfred Degiorgio.

Jiftakar li kellu ċitazzjoni fuq parkeġġ f’San Pawl il-Baħar. Kien kerha xi karozzi oħra ħafna żmien u li hu kien jiġri b’Peugout 407 li kienet tal-mara propja. Tenna li ma kienx tkellem fuq xi karozzi oħra ma’ Degiorgio. Ikkonferma li kien qed jixhed it-tielet darba u nesa x’kien spjega lill-Pulizija dwar il-kirjiet ta’ xi karozzi.

Is-Supretrendent Kieth Arnaud irreferih għall-ewwel xhieda li kien ta u qallu biex jiftakar x’kien qal fuq il-Peugot dakinhar. Schembri ma setax jiftakar iżda qal li dwar il-Hyundai jgħid li din kienet bajda bil-bumpers suwed. Fuq wara, f’nofs il-windscreen, kellha sticker bajda bil-kelma “Paradise.” Bix-xemx kienet sfaret. 

Fiż-żmien li Degiorgio kera l-karozza mingħand ix-xhud, huwa kien  jikri wkoll Kia Picanto, “minn daż-żgħar.” Meta avviċinah Degiorgio, Schembri  qallu, “Għandi diż-żgħira għalik.”  Alex Smith, li huwa uffiċjal tal-pulizija mill-Iskwadra tal-Isplussivi qal li mar fuq is-sit fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia u spjega kif fis-16 t’Ottubru tal-2017 irċieva telefonata u ġie infurmat li seħħet karozza bomba fil-Bidnija.

Peress li joqgħod il-Mosta,  ma damx ma wasal fuq il-post. Tenna li ngħataw struzzjonijiet biex jagħlqu ż-żona kompletament sakemm jaslu l-awtoritajiet konċernati. Ra mal-art biċċiet ta’ ġisem uman imma ma kienx jaf ta’ min. “Id-diskors kien li kien li s-Sinjura Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet,” huwa qal. Hu baqa’ fuq il-post sa xi d-9.00pm jew l-10.00pm. u l-għada huwa għamel ġurnata fuq il-post, u jgħid li jista’ jkun għamel ġurnata oħra hemmhekk.

Sussegwentement xehed Duncan Dimech, eks uffiċjal tal-pulizija li kien stazzjonat fl-iskwadra tal-omiċidji. Huwa kien involut kemm fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Chircop kif ukoll ta’ Caruana Galizia. Dwar l-ġurnata li ġie infurmat dwar il-qtil ta’ Chircop, huwa kien mar fuq il-post u talab lin-nies fl-inħawi għal informazzjoni. Dan inkluda wkoll il-ġbir ta’ filmati minn kameras CCTV fiż-żoni.

Mistoqsijiet oħra kienu fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa kien wettaq ukoll investigazzjonijiet taż-żona. Waqt li kienu qed jagħmlu dan, persuna kienet infurmathom li persuna kienet tqatta ’ħafna ħin bilqiegħda u tara l-akkwati taż’ madwar il-wied. Jgħid li kienet ukoll identifikata karozza.

Huwa mar fil-post li ġie indikat lilu u sab blat aimqiegħda taħt siġra u xi loqom tas-sigaretti mitfugħa mal-art. Huwa jgħid li l-filmati mbagħad ġew analizzati u karozza identifikata. Fil-5 ta’ Diċembru tal-2017 ix-xhud u surġent ieħor wettqu tfittxija fit-tinda tal-patata fil-Marsa

Wara xehed  Darren Scerri, parti mill-Iskwadra tal-Omiċidji li qal li l-involviment tax-xhud fil-każ ta’ Caruana Galizia beda dakinhar tal-qtil, billi hu kien parti mit-tim li bdew jiġbru l-filmati tal-kameras tas-sigurtà fl-akkwati. Ftit jiem wara hu akkumpanja lill-FBI meta dawn kienu qed iduru l-postijiet ta’ madwar il-Bidnija. 

Hu kellem ukoll lil ġar ta’ Caruana Galizia li kien ilu jinnota karozza bajda suspettuża fl-akkwati. Kien tqabbad ukoll jiġbed filmati tad-dgħajsa Maya. Kien anke involut fl-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat f’Diċembru tal-2017. ien parti mit-tfittxijiet marbutin max-xhieda fejn ittieħdu xi oġġetti, fosthom mill-appartament ta’ Alfred Degiorgio f’San Pawl il-Baħar. Kien involut anke fl-arresti ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech u analizza l-affarijiet li ttieħdu mir-residenzi tagħhom.

Ix-xhud eskorta lil Vince Muscat minn ġol-ħabs. dan ħadu f’binja l-Mosta fejn indikalu garaxx li skontu, kien jintuża b’rabta ma’ dal-każ. Minn hemm għamel l-analiżi tiegħu biex jistabbilixxu min qed jikri l-garaxx. Identifika lil John Bugeja, li qalilhom li kien qed jikrih għal Adrian Agius. 

Muscat ħadu wkoll il-Marsa, qrib it-Tiger Bar, fejn indika post fil-baħar. Ħadu anke f’garaxxijiet f’Santa Venera, u f’appartament f’Santa Venera, li meta tkellem ma’ sidt l-appartament qaltlu li lejn l-aħħar tal-2015 kienet tikrih lil Jamie Vella. -ġar imsemmi qabel qallu li l-karozza bajda kellha sticker fuq wara, imma ma kienx jaf x’tgħid. L-apparat li analizza x-xhud kien tal-familja ta’ Melvin Theuma, jiġifieri tiegħu, tas-sieħba tiegħu, ta’ bint is-sieħba tiegħu u tal-għarus tagħha.

Kompla jgħid li kien preżenti l-ewwel darba biss meta ħadu lil Vince Muscat fil-postijiet fejn hu tahom dettalji marbutin maż-żewġ każijiet ta’ qtil.  Meta ġie muri xi ritratti minn Arnaud, ix-xhud ikkonferma li dawn juru l-garaxxijiet ta’ Santa Venera, fejn ħadhom Vince Muscat. Qalilhom li ntużaw kemm qabel u anke wara d-delitt, billi kienet tinżamm karozza partikolari hemmhekk. 

Qal li fir-ritratti oħra huwa kien qed jagħraf blokka t’appartamenti li indikalhom Vince Muscat fi Vjal l-Għarusa tal-Mosta.  Ħdejn il-garaxx kien hemm xaft, li Muscat fih uriehom katusa li tingħalaq fejn kellhom jaħbu xi armi.  Dan kollu jidher f’filmat miġbud mill-pulizija. Ritratt ieħor juri garaxx li fih Muscat qalilhom li kienu jżommu karozza użata fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Fiha kienu jżommu wkoll xi armi, dejjem skont ma qal Vince Muscat lill-pulizija.  Scerri ippreżenta żewġ CDs – wieħed għall-Qorti u l-ieħor għad-Difiża.

Xehed ukoll Jason Camilleri, li qal li jaħdem ma ‘kumpanija tal-kiri tal-karozzi. Tenna li l-pulizija kienu staqsewh mistoqsijiet, madwar tliet snin ilu, dwar karozzi li kien kera. George Camilleri mill-uffiċċju tal-AĠ staqsih jekk il-pulizija kinux staqsewh dwar nies speċifiċi. Qal li l-pulizija kienu staqsew dwar Robert Agius.

Kompla jgħid li Agius kien klijent regolari u spiss kien jikri karozzi. Kien jikri erba’ sa ħames karozzi fis-sena. “Kull ma kien jimpurtah minnu kienx jekk kinitx karozza manwali jew awtomatika. Hu qatt ma talab għal mudell speċifiku,” huwa qal, u żied li hu dejjem kien kuntent li jieħu kwalunkwe karozza li kienet disponibbli.

Camilleri jgħid li żamm rekords dwar il-persuna u l-karozza li kienu jikru. Huwa ma jiftakarx jekk il-pulizija kinux ħadu xi informazzjoni magħhom l-ewwel darba li tkellmu miegħu, iżda jgħid li r-rekords inqerdu peress li huma jżommuhom biss għal sitt xhur. Mistoqsi jekk jagħrafx lil Robert Agius fl-awla u wieġeb fl-affermattiv, iżda qal li ma jirrikonoxxix lil ħaddieħor.

Meta Camilleri ġie mistoqsi dwar in-negozju qal li hemm tliet persuni li jittrattaw mal-klijenti, iżda jaħdmu fuq bażi ta ’roster;. Arnaud jistaqsi x’inhi l-proċedura meta n-nies jaslu fil-garaxx biex jikru karozza. Qal li dejjem kien jittratta ma’ Robert peress li kien iċemplu u jitolbu jlestilu karozza għalih.

Arnaud staqsa għal kemm żmien Agius kien se jżomm il-karozzi għalih. Ix-xhud qal, “kultant tkun ġimgħa, kultant tkun tliet xhur. Huwa kien jikriha lil ħaddieħor,”. Arnaud jitolbu jispjega aktar. “Kultant il-karozza tkun għal ommu jew għal sieħbu …”

Camilleri qal li kull karozza li tinkera tkun barra tiġi ċċekkjata malli tiġi lura imma qal li ma kienx hu li għamel dan. Qal ukoll fuq domandi tad-difiża li Agius qatt ma talab mudell speċifiku ta’ karozza. Wara xehed l-Ispettur Jonathan Cassar li qal li f’Diċembru 2017 kien stazzjonat mal-iskwadra tad-droga.

Huwa ġie inkarigat fl-arrest ta’ Jamie Vella. Cassar mar f’indirizz fil-Mosta li kien ġie indikat lilu imma ħadd ma kien id-dar. Ftit wara li wasal missier Vella, u hu nfurmawh li kellhom mandat biex ifittxu d-dar. Eventwalment, waslu Robert Agius u Jamie Vella u t-tnejn ġew arrestati. Mandat ta’ arrest separat kien inħareġ fir-rigward ta’ Agius.

Kemm Vella kif ukoll Agius ittieħdu fil-lock-up tal-pulizija u twaqqaf punt fiss barra r-residenza. L-Avukat Abela staqsa lix-xhud dwar l-indirizz ta’ Vella, b’ Cassar jgħid li kienet fil-Mosta iżda mhux neċessarjament kienet residenza. Kienet aktar bħal farmhouse. Abela jissuġġerixxi li l-farmhouse kienet waħda miftuħa u kulħadd seta’ jaċċessaha.

Cassar jgħid li l-post ma kienx aċċessibbli meta kien mar hemm biex jarresta lil Vella. Cassar jgħid li l-intenzjoni kienet li ssir tfittxija, iżda dan ma seħħx minnufih peress li Vella ma kienx hemm. L-Avukat Abela jgħid li l-pulizija kienu qattgħu erbat ijiem ifittxu l-post iżda ma sabu xejn. Cassar qal li l-involviment tiegħu kien limitat għall-arrest. Kieku t-tfittxija saret fil-jum li kien ikun preżenti iżda peress li kien hemm dewmien ma kienx involut. Adrian Sciberras, ukoll spettur tal-pulizija qal li huwa akkumpanja lill-kollega Cassar.

Wara xehed is-Surġent Stephen Micallef, li qal li f’Diċembru tal-2017 kien involut fit-tfittxija fit-tinda tal-patata tal-Marsa. Speċifikament, huwa kien inkarigat li jsib u jidentifika żewġ dgħajjes – id-dgħajsa ta’ George Degiorgio Maya u oħra. Huwa għamel tfittxija fuq dgħajjes tad-dgħajjes qabel ma nqabdu mill-pulizija.

William Galea mir-Rapid Intervention Unit kien wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li mar biex jivverifika l-attakk bil-karozza bomba fuq Caruana Galizia. Huwa qal li wasal fuq il-post u ra karozza taqbad fl-għalqa. Ir-rwol ewlieni tiegħu kien li jżomm nies li ma kinux parti mill-investigazzjoni ‘l bogħod miż-żona.

Jason Borg, membru tal-Protezzjoni Ċivili qal li fis-16 t’Ottubru tal-2017, ġew infurmati bl-isplużjoni. Marru fuq il-post mill-ewwel fejn kien hemm tliet fire engines, u li hu kien qed isuq waħda minnhom. Xogħolu kien li jitfi ħaxix li kien qed jaqbad mat-triq. Fuq ix-xena ra karozza taqbad fejn ħadid biss kien għad fadal. Ma setax jidentifika x’karozza kienet, anke jekk issuspetta li setgħet kienet Peugot.

Kompla jgħid li ra parti minn sieq sħiħa u li li sa dak il-ħin kien biss għajdut li l-vittma setgħet kienet Daphne Caruana Galizia. Joseph Fava, ukoll mill-Protezzjoni Ċivili, qal li fi żmien id-delitt kien stazzjonat ix-Xemxija. Huwa kkonferma dak li qal ix-xhud ta’ qablu u tenna li xogħolhom kien li jitfu l-ħaxix.

Il-bumbardier Joseph Bondin, stazzjonat fit-Taqsima tal-Isplussivi mal-Forzi Armati ta’ Malta qal li fis-16 t’Ottubru tal-2017 daħlitilhom telefonata fuq il-karozza bomba u qal li kienu waslu fost l-aħħar nies. Tenna li diġà kien hemm il-pulizija u l-ambulanza.

Kompla jgħid li kienet tidher li dak li kien seħħ ġara permezz ta’ bomba. Il-karozza kienet mifqugħa. Kien hemm toqba mal-art bil-blast stess u għamlu evalwazzjoni. Pero kienu ngħataw struzzjonijiet ukoll biex ma jagħmlu xejn għax kienu se jaslu investigaturi barranin. 

Ix-xhud qal ukoll li attendew drabi oħra meta kien hemm investigaturi Olandiżi tal-Europol, li qasmu ż-żona parti parti, u l-membri tal-Armata bdew ifittxu partijiet tal-bomba, qal li prattikament beda jinġabar kollox. Is-Surġent Anthony Cassar, ukoll mit-Taqsima tal-Isplussivi mal-Forzi Armati ta’ Malta, kkonferma dak li xehdu l-kollegi tiegħu, iżda qal ukoll li ntebħu b’persuna taħt id-dashboard, fuq in-naħa tal-passiġġier. 

L-ammissjoni ta’ Vince Muscat magħruf bħala “il-Koħħu” b’rabta mal-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u x-xhieda tiegħu fl-inkjesta maġisterjali u kif ukoll l-informazzjoni li għadda lill-Pulizija b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop wassal għall-arrest tal-erba’ rġiel. Muscat ingħata l-maħfra presidenzjali fuq il-qtil tal-Avukat Chircop u kundannat 15-il sena ħabs fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huma kienu ġew arrestati fl-24 ta’ Frar li għadda u tressqu l-Qorti l-għada quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq. L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għal-aħwa Agius u Jamie Vella filwaqt li l-Avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri, u l-avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familja Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Vince Galea qed jidher għall-familja Chircop. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn 24 ta’ Mejju, 2021 fit-8.30am.