Lokali

Kuntistabbli tal-Pulizija jweġġa’ gravi wara inċident bil-mutur

Uffiċjal tal-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Tas-Sliema.

Il-każ seħħ ftit wara s-siegħa tat-Tlieta waranofsinhar fi Triq it-Torri meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn il-mutur tal-Pulizija misjuq mill-uffiċjal ta’ 29 sena u vettura misjuqa minn mara ta’ 30 sena minn Ħal Qormi.

Fil-post ġew msejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-uffiċjal l-isptar għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.