Id-direttur tal-kumpanija Electrogas Paul Apap Bolgona llum irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet diretti dwar laqgħat “soċjali” li kellu mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat għalkemm ikkonferma li kien iltaqa’ miegħu xi erba’ darbiet.
Paul Aap Bolgona llum kien ix-xhud quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiddiskuti l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
Il-PAC kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u għall-Oppożizzjoni ħadu sehem Karol Aquilina u Ryan Callus waqt li għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputati Laburisti Ian Castaldi Paris u Rosianne Cutajar.
Fil-bidu tal-laqgħa, il-Presidnet tal-Kumitat Beppe Fenech Adami qal li l-Awditur Ġenerali kien għadda d-dokumentazzjoni mitluba minnu mill-PAC. Beppe Fenech Adami qal li kien infurmat li f’dan l-istadju l-membri tal-Oppożizzjoni ma kellhomx iktar mistoqsijiet lil Brian Tonna; bil-membri tal-gvern jiddikjaraw li ma kellhomx mistoqsijiet.

Jirriżutla li dokumentazzjoni li Brian Tonna kellu jgħaddi lill-kumitat baqgħet ma waslitx għand il-kumitat. Il-President Beppe Fenech Adami qal li jekk dan jibqa’ ma jsirx ikollhom jittieħdu passi ulterjuri.
Ix-xhud Paul Apap Bologna, li kien assistit mill-Avukat Gianella de Marco, ta dettalji dwar il-kumpaniji li hu inovlut fihom iżda l-Avukat de Marco oġġezzjonat li jsiru mistoqsijiet mhux relatati mal-każ investigat mill-PAC għaliex sostniet li l-PAC m’għandux dritt li jistaqsu mistoqsijiet mhux relatati mar-rapport tal-NAO.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa kif Apap Bologna wasal biex ikun wieħed mid-diretturi tal-Electrogas.

Paul Apap Bologna qal li l-kumpanija involuta fl-Electrogas hi s-CP Holdings iżda ma weġibx dwar kumpaniji oħra. Il-President Beppe Fenech Adami ġibed l-attenzjoni tax-xhud dwar ir-ruling li ta l-Ispeaker li tobbliga lix-xhud iwieġeb il-mistoqsijiet.
L-Avukat de Marco qalet li l-qrati Maltin u anki l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea iddikjaraw li f’ċertu okkażjonijiet ir-rulings tal-Ispeaker marru kontra d-drittijiet tal-bniedem. Ma nħossnix marbuta b’ruling li jmur kontra d-drittijiet tal-bniedem, sostniet l-Avuat Giannella de Marco.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Ispeaker ikkunsidra dawn id-deċiżjonijiet tal-qrati u għalhekk jistgħu jittieħdu rimedji; sakemm isir dan il-PAC hu marbut bir-ruling tal-Ispeaker.
L-Avukat Giannella de Marco qalet li hi m’għandhiex l-assigurazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija li Paul Apap Bologna mhux qed ikun investigat. Hi sostniet li Paul Apap Bologna ma kienx se jwieġeb skont id-dritt
Mistoqsi jekk hux interrogat mill-Pulizija jew jekk bagħtux għalih il-Pulzija jew xi Maġistrat, Paul Apap Bolgona rrifjuta li jwieġeb. Hu qal li kien mistoqsi fl-inkjesta tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar il-Panama Papers. Hu ma weġibx jekk kienx mitkellem minn xi entità oħra.
Paul Apap Boogna qal li qabel l-Electrogas hu ma kienx involut f’xi settur tal-enerġija iżda kien fil-parmaċewtika. Hu sostna li kien ġej minn familja ta’ negozjanti iżda mhux fis-settur tal-enerġija.
Ix-xhud kompla li kien hu li jirrapreżenta lill-kumpanija u għandu 21% fil-GEM Holdings u għalhekk hu azzjonist minoritarju fl-Electrogas. Hu sostna li qatt ma kien parti min-negozjati sal-aġġudikazzjoni. Hemm 10% tal-ishma ta’ New Eenergy u l-ishma l-oħra maqsuma bejn Tumas Group u Gasan Group.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rrimarka li hu interessat kif 10% tal-ishma spiċċaw għand Yorgen Fenech u mhux għand azzjonisti oħra.
Paul Apap Bologna spjega li inizjalment kellu 33% fil-kumpanija iżda ma setax ikompli jsostni dan l-ammont. Hu qal li hu ma kienx trasferixxa l-ishma lil Yorgen Fenech u spjega li dawn l-ishma ngħaddew lil Fenech bi ftehim bejn il-partijiet għaliex Yorgen Fenech kien qed jagħmel ix-xogħol kollu.
Fix-xhieda tiegħu Apap Bologna qal li l-kumpanija New Energy hi ta’ Yorgen Fenech; twaqqfet u daħlet fil-kumpanija f’Mejju 2014. Hu qal li kien Yorgen Fenech li talab l-ishma fil-kumpanija minħabba x-xogħol li kien qed jagħmel.
Yorgen Fenech kien qed jirrapreżenta lill-konsorzju, sostna x-xhud, li kkonferma li Yorgen kien qed jirrapreżenta lil GEM fil-proġett; “Gasoil kienet il-kumpanija ewlenija…Yorgen kien il-leader tal-grupp tal-kumpaniji Maltin”.
Paul Apap Bolgona kompla li kien hu li beda l-idea tal-proġett fl-2006 u kien osserva li f’Malta kien hawn tariffi għoljin tal-enerġija. Dak iż-żmien il-pjan tal-enerġija kien il-gass, sostna Paul Apap Bologna, li kompla li kien tkellem mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.
Hu qal li kien iltaqa’ l-ex ministru John Dalli u ma’ ministri oħra iżda kien ħass li l-proġett ma kienx se jimxi ‘l quddiem. Wara li l-proġett ingħata lill-BWSC, qabel l-elezzjoni kien magħruf li jekk il-PL jitla’ fil-gvern kien se jmur lejn l-LGN.
Kelli dan il-proġett u ppreżentajtu lil Yorgen Fenech, sostna x-xhud, li kompla li hu ma kien tkellem mal-PL dwar dan il-proġett minħabba li kienu diġà ddikjaraw li huma se jmorru lejn il-gass. Hu qal li qatt ma tkellem mal-PL, ma’ Keith Schembri jew ma’ Konrad Mizzi għalkemm kien iltaqa’ ma’ Joseph Muscat xi erba’ darbiet f’okkażjonijiet soċjali.
Paul Apap Bologna ma weġibx min kien laqqgħu mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat jew min kien stiednu għall-attività soċjali. Ix-xhud ma weġibx min kien organizza l-attività f’dar privata fejn kien informat li se jkun hemm il-Prim Ministru preżenti.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rrimarka li dawn il-mistoqsijiet qed isiru għaliex jista’ jkun li f’dawn l-attivitajiet soċjali setgħu diskussi proġetti kummerċjali.
“Paul Apap Bolgona ma jridx iwieġeb min stiednu għax il-mistoqsija hi rilevanti!”, irrimarka d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina waqt li x-xhud baqa’ ma jridx iwieġeb.

Hu lanqas wieġeb fejn kien iltaqa’ ma’ Joseph Muscat, jekk kienux f’ikliet, jekk iltaqax għand ministru tal-gvern, jekk il-post hux viċin fejn joqgħod hu iżda kkumenta biss li “dan il-proġett qatt ma kien diskuss”.
Mistoqsi għaliex qed jirrifjuta li jwieġeb dawn il-mistoqsijiet dwar ikla li fiha iltaqa’ mal-Prim Ministru u jekk iddiskutiex dan il-proġett, ix-xhud qal li ma jiftakarx.
Fid-9 ta’ Jannar 2013 Apap Bologna kien skopra li l-PL kien se joħroġ bi pjan tal-enerġija u ppreżenta l-proposta tiegħu lil Yorgen Fenech fit-18 ta’ Jannar 2013. Hu kkonferma li kien għamel kuntatt ma’ Yorgen Fenech dwar dan iżda ma kellux l-imsieħba.
Yorgen Fenech qallu li kien se jurih lil missieru, li qallu li kien interessat li jagħmel il-proġett. Missier Yorgen Fenech (George Fenech) qallu li kien diġà tefa’ l-offerta għall-proġett iżda l-gvern ta’ dak iż-żmien għażel l-HFO.
Apap Bolgona qal li saret laqgħa ma’ Gasan u bdew jintbgħatu emails lil persuni involuti fl-industrija tal-enerġija. Hu kompla li wara l-elezzjoni 2013 bdew kuntatti ma’ diversi kumpaniji kbar u spjega li dan kien fl-2013.

Ix-xhud qal li qabel qatt ma kien tkellem ma’ Yorgen Fenech fuq il-proġett. Hu ma weġibx jekk kienx ħabib ta’ Yorgen Fenech qabel beda dan il-proġett, qal li ilu ma jarah sentejn, ma kellhomx negozju flimkien u ma jiftakarx kif sar jafu.
Ix-xhud qal li ma jiftakarx jekk Yorgen Fenech qattx xtara affarijiet mingħandu u jiftakar biss li kien tah flixkun inbid f’għeluq sninu. Yorgen Fenech kien tah ukoll flixkun inbid ta’ kwalità meta stiednu għall-festin tiegħu f’għeluq sninu wkoll.
Apap Bolgona ma ftakarx jekk Yorgen Fenech kienx talbu xi pjaċir f’sitwazzjoni ta’ paniku u ma weġibx jekk l-inbid kienx Petrus minħabba “d-dritt tas-silenzju”.
Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, Apap Bolgona qal li din bdiet fl-2013, kienu jitkellemu fuq il-proġett, il-familji saru ħbieb u kienu jiltaqgħu xi kultant iżda ma weġibx meta ltaqa’ miegħu l-aħħar.
Mistoqsi dwar meta Yorgen Fenech kien arrestat u jekk jiddispjaċihx għal dak li ġara lil Yorgen Fenech, Apap Bolgona ma weġibx. Hu qal li kien George Fenech li ġab lil Gasan parti mill-proġett u sostna li George Fenech xtaq li dan il-proġett imexxih ibnu (Yorgen Fenech) “għax ma kellux ħafna x’jagħmel dak iż-żmien”.
Paul Apap Bologna xehed li l-konsorzju qatt ma ppropona li jkun hemm vapur tal-gass Hu qal li ma ħax profitti mill-proġett u qal li kienu tqassmu s-succss fees fl-ammont ta’ €4.1 miljun u €2 miljuni f’development fees.