Id-deputati tal-Gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (AC) ma għamlu l-ebda mistoqsija lill-partner ewlieni tal-kumpanija tal-awdituri Nexia BT Brian Tonna meta dan kien qed jixhed dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
Dan il-kuntratt bħalissa qed ikun diskuss fid-dettall fil-PAC fuq għażla tal-Oppożizzjoni u fih, għal diversi seduti, xehed Brian Tonna li kien mistoqsi ammont kbir ta’ mistoqsijiet mir-rappreżentanti tal-PN Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus.
Minkejja li kellhom il-ħin kollu disponibbli biex jagħmlu l-mistoqsijiet, id-deputati tal-gvern għażlu li ma jagħmlu l-ebda mistoqsija lil Brian Tonna. Fil-fatt l-uniku interventi li għamlu d-deputati tal-Gvern kienu biex joġġezzjonaw għal mistoqsijiet diretti li gamlu d-deputati tal-gvern biex jistabilixxu r-relazzjoni bejn Brian Tonna, il-PL, ministri tal-gvern, ex ministri, Keith Schembri u esponenti oħra fir-rigward ta’ dan il-kuntratt.
Fis-seduta tal-lum, l-Oppożizzjoni ddikjarat li f’dan l-istadju ma kellheix iktar mistosijiet x’tagħmel lil Brian Tonna u għalhekk għaddiet għal xhud importanti tiegħu; Paul Apap Bologna li llum dam jixhed għal saghtejn sħaħ. Kif għamel Brian Tonna, Paul Apap Bologna evita li jwieġeb numru ta’ mistoqsijiet diretti li saru mill-Oppożizzjoni għaliex sostna li għandu dritt li ma jweġibx għal mistoqsijiet li m’humiex relatati direttament mal-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
Fis-seduta tal-lum, id-deputati tal-gvern reġgħu m’għamlu l-ebda mistoqsija lil Paul Apap Bologna u baqgħu siekta jisimgħu lill-Oppożizzjoni tiprpova tistabilixxi l-fatti fuq dan il-kuntratt skandaluż.
Ix-xhieda ta’ Apap Bolgona tkompli l-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>