L-awtoritajiet f’Iżrael qalu li l-qawwiet tagħhom ikkonċentraw mill-ġdid l- attakki fuq id-djar tal-kmandanti tal-moviment militanti Hamas f’Gaza – bil-konflitt qalil bejn l-Iżraeljani u l-militanti Palestinjani Iżlamiċi jidħol fl-għaxar jum tiegħu.
L-Iżraeljani fil-fatt ammettew li pruvaw joqtlu lill-Kap militari tal-Hamas, Mohammed Deif, ‘diversi drabi’ fost il-konferma li numru ta’ militanti mietu waqt rejd speċifiku fuq appartament fiċ-ċentru ta’ Gaza.
Mohammed Deif imexxi l-fergħa armata bl-isem ‘Brigati tal-Izzedine al-Qassam u fil-passat irnexxielu jsalva minn diversi attentati fuq ħajtu. Dan il-kap hu magħruf li jmexxi l-operat tal-militanti tal-Hamas minn wara l-kwinti u ftit jafu dettalji dwar il-vera lokalità tiegħu.
Matul il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa, il-militanti f’Gaza reġgħu sparaw numru kbir ta’ missili lejn Iżrael, bl-allert fl-bliet Iżraeljani qrib il-fruntiera jibqa’ validu anki lbieraħ. Filwaqt li l-komunità internazzjonali qed tagħmel l-almu tagħha biex twassal għal waqfien mill-ġlied, l-isforzi tagħha għadhom jaqgħu fuq il-widnejn torox, bl-Iżraeljani jibqgħu determinati ‘daqs qatt qabel’ li jeqridu ‘il-bażijiet tat-terroristi ( tal-Hamas)’ f’Gaza.
Dan waqt li l-Iżraeljani ċaħdu b’mod kategoriku r-rapporti li ftehim għal waqfien mill-ġlied għal Gaza — sponsjorjat mill-Eġittu – kapaċi jidħol fis-seħħ fi kwistjoni ta’ ġranet.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fil-fatt qal li ‘il-qawwiet tiegħu mhumiex qed ikunu regolati minn stopwatch’ u li Iżrael ‘jinsab determinat li jikkonkludi l-impenji militari tiegħu’.
Min-naħa tagħhom, kelliema għall-Hamas qalu li l-isforzi tal-medjaturi huma ‘serji u kontinwi’ iżda fl-istess ħin huma sostnew li l-Palestinjani mhumiex se jirtiraw id-domandi li qegħdin jagħmlu f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Il-ġlied fir-reġjun ta’ Iżrael u Gaza ilu għaddej minn kmieni fix-xahar u wara ġimgħat ta’ tensjoni akuta bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fl-artijiet ta’ Ġerusalemm tal-Lvant. It-tensjoni, maż-żmien, żbruffat f’numru ta’ konfronti vjolenti fis-sit ta’ Ġerusalemm li jinkorpora l-moskea al-Aqsa u liema zona hi meqjuma mill-Musulmani u daqstant ieħor mil-Lhud.
Sadanittant, il-Hamas kienu bdew jisparaw il-missili lejn Iżrael wara t-twissijiet inizjali biex l-Iżraeljani ma jidħlux fiz-zona msemmija – u bl-Iżraeljani jirritaljaw permezz ta’ baraxx kontinwu (mill-art u mill-ajru) fuq it-territorji ta’ Gaza.
Filwaqt li Iżrael qed jgħid li nqatlu talanqas 150 militanti fl-offensiva, tal-Hamas qed jirrifjutaw li jipproduċu ċifri tal-ġellieda Iżlamiċi maqtula. Il-militanti Palestinjani, fl-istess ħin, qegħdin jikkundannaw kontinwament ‘il-gwerra li qed imexxu l-Iżraeljani fuq in-nisa u tfal ta’ Gaza’.
L-uffiċjali tal-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, qalu li l-fighter jets tagħhom ikkonċentraw mhux biss fuq ir-residenzi tal-kmandanti tal-Hamas f’Gaza iżda anki fuq l-infrastruttura militari ‘tat-terroristi (il-mod kif l-Iżraeljani jirreferu għall-Hamas)’ man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
L-ajruplani tal-gwerra fl-istess ħin wettqu talanqas 50 attakk fuq Khan Younis ( fil-Medda ta’ Gaza) fejn immiraw għall-faċilitajiet li jintużaw għat-taħriġ tal-militanti. Fl-attakki ntlaqtu wkoll kumpless tas-sigurtà tal-Hamas minbarra diversi toroq u rziezet fl-inħawi. Dan waqt li l-Qawwiet tad-Difiża ta’ Iżrael qalu li attakkaw għal darb’oħra lin-network ta’ mini taħt l-art li l-militanti jużaw għal rejds fuq l-ibliet tal-Iżraeljani.
Il-Prim Ministru Netanyahu, fl-aħħar sigħat, qal li l-offensiva tal-qawwiet tiegħu fuq Gaza ‘tefgħet lura l-operat tal-Hamas għal ħafna snin’. Netanyahu, fl-istess ħin, qed jistenna li tal-Hamas jippruvaw jiddikjaraw li rebħu dan il-konflitt irrispettivament minn dak li seħħ s’issa u wissa li ħadd ma jaffordja li ‘it-terroristi jieħdu xi vantaġġ mis-sitwazzjoni’.
Kien hemm ukoll aktar inkwiet fl-artijiet ta’ Iżrael u x-Xatt tal-Punent, kif ukoll fiz-zona ta’ Ġerusalemm tal-Lvant fejn il-Palestinjani ħadu sehem fi strajk ġenerali. Inqalgħu ankil numru ta’ konfronti vjolenti f’diversi ta’ lokalitajiet.
Fl-aħħar sigħat, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ltaqa’ fi New York mingħajr ma rnexxielu jasal għal ftehim biex, almenu, jonqos il-livell tal-konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani ta’ Gaza.
L-Istati Uniti – bħala alleat tradizzjonali ta’ Iżrael – sal-bieraħ kien qed jimblokka t-tentattivi għal stqarrija konġunta ‘minħabba li din ma tnaqqasx it-theddida għar-reġjun ( il-Lvant Nofasni)’. Madankollu, l-Amerikani issa ilhom il-jiem isejħu biex l-Iżraeljani u l-militanti Palestinjani jieqfu mill-ġlied.
Min-naħa tiegħu, Riyad Mansour, ir-Rappreżentant Palestinjan għan-NU, ikkritika l-falliment tal-Kunsill ts-Sigurtà biex jasal għal konklużjoni bħala ‘ħaġa tal-mistħija’.
Numru ta’ sorsi infurmati, intant, qalu li Iżrael qed jevalwa jekk il-kundizzjonijiet humiex xierqa għal waqfien mill-ġlied u li r-rappreżentanti Iżraeljani qed jiddiskutu mar-rappreżentanti tal-Eġittu li qed iservi bħala medjatur ewlieni fir-reġjun.
Dan waqt li l-Kap tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU, Mark Lowcock, qal li l-aħħar jiem ta’ ġlied fil-Lvant Nofsani ‘irriżultaw fit-tbatija kbira ta’ ċivili’. Lowcock sejjaħ biex in-naħat aggressivi jaqblu dwar pawża ‘umanitarja’ ħalli jippermettu t-tqassim urġenti ta’ affarijiet essenzjali lin-nies li ġarrbu l-akbar impatt tal-ġlied.
//= $special ?>