Il-membri parlamentari laburisti fil-Parlament Ewropew ivvutaw favur rapport imressaq mis-Socjalisti biex aktar immigranti jkunu jistgħu jingħataw protezzjoni f’pajjizi Ewropej fosthom f’Malta.
Ir-rapport jitlob li titwessa d-definizzjoni tal-immigrazzjoni biex immigranti li jitilqu jew jaħarbu minn pajjizhom minħabba l-bidla fil-klima jkunu jistgħu jingħataw protezjoni f’pajjiz tal-Unjoni Ewropea. Din il-mozzjoni li sabet l-appoġġ tad-delegazzjoni laburista twassal biex aktar immigranti jitilqu minn pajjiżhom u jiddaħħlu f’pajjiz Ewropew.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Net News staqsa x’inhi r-raguni li d-delegazzjoni laburista trid li immigranti li jgħidu li telqu minn pajjizhom minħabba l-bidla fil-klima jkunu jikkwalifikaw għall-protezzjoni. Staqsejna wkoll x’inhi r-raġuni li vvutaw favur dan ir-rapport meta f’Malta jgħidu mod ieħor. Ir-reazzjoni tal-MEPs laburisti Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar kienet li l-mozzjoni ma titkellimx fuq din il-kwistjoni.
Il-pozizzjoni tal-MEPs laburisti hi differenti minn dik tal-Gvern Malti li jħalli l-immigranti f’nofs ta’ baħar sa ma tinstab soluzzjoni dwar min se joħodhom. L-MEPs Laburisti mill-banda l-oħra kienu fost dawk li appellaw u vvutaw biex il-Kummissjoni Ewropea żżid mal-lista ta’ persuni li għandhom jingħataw protezzjoni meta jaslu l-Ewropa b’mod irregolari jekk dawn jitilqu minn pajjizhom minħabba l-bidla fil-klima. Ir-rapport imħejji mill-MEP Spanjonla fil-partit tas-soċjalisti Monica Silvana Gonzales tressaq għall-vot fil-Parlament Ewropew t-Tlieta iżda m’għaddiex b’differenza ta’ ħames voti biss. Il-Kap tad-Delegazzjoni fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola u David Casa kienu fost dawk li vvutaw kontra r-rapport. Parti mir-rapport kien jitlob lill-Kummissjoni biex toħroġ komunikazzjoni dwar definizzjoni tal-immigrazzjoni abbażi tat-tibdil fil-klima.

