Lokali

“Irridu nkunu aktar sensittivi” – President George Vella

“Bħala nazzjon, huwa importanti li nħarsu lejn l-ambjent b’mod iktar ħolistiku u nkunu aktar sensittivi għall-bżonn ta’ bilanċ bejn l-ambjent naturali u l-iżvilupp.”

Dan intqal mill-President ta’ Malta George Vella waqt laqgħa ta’ korteżija li kellu matul il-jum tal-Erbgħa mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Robert Cutajar. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll, Erika Puglisevich, Gabriel Micallef u John Baptist Camilleri, li jifformaw parti mill-cluster tal-PN responsabbli għall-Ambjent.

L-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kienet sabiex jitressqu bosta proposti li hadem fuqhom il-Partit Nazzjonalista rigward is-sitwazzjoni preżenti fis-settur ambjentali u l-aġir inaċċetabbli tal-Gvern u tal-awtoritajiet governattivi fejn jidħol l-ambjent ta’ pajjiżna. Dan hekk kif fl-aħħar xhur, madwar disa’ każi tressqu kontra l-Gvern li fihom kien hemm ksur ovvju tar-regoli ambjentali.

Fost dawn kien hemm ix-xogħlijiet f’Kemmuna… fejn saru xogħlijiet irregolari ta’ service culvert. Fir-risposta tal-Awtoita’ tal-ippjanar għar-rapport li kien ħareġ l-Ombudsman dwar din l-investigazzjoni, l-Awtorita’ avżat lill-Ombudsman, Anthony Mifsud, li se tkun qed tinjorna r-rakomandazzjonijiet li ta fl-Opinjoni Finali fi tmiem din l-investigazzjoni li kienet tqajjmet għall-ewwel darba mill-istess Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Robert Cutajar.

Dan wara li l-istess Opinjoni Finali rrakkomandat azzjoni min-naħa tal-istess Awtorità billi dawn ix-xogħlijiet jiksru l-provvedimenti tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.

Apparti li ġie prezentat ir-rapport tal-Ombusdsman rigward ix-xogħlijiet li saru b’mod irregolari f’Kemmuna, f’din il-laqgħa mal-President issemmew wkoll l-isfidi u l-miri li pajjiżna falla fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart.

F’din il-laqgħa, Robert Cutajar f’isem il-PN saħaq li l-atteġjament tal-Gvern u tal-entitajiet tal-gvern fil-konfront tal-ambjent m’humiex aċċetabbli u għandhom jiġu kkundanatti. Għalhekk, il-PN qed titlob iktar trasparenża fl-operat tal-ERA u fil-jiem li ġejjin l-Oppożizzjoni ser tkun qed tressaq proposti u iniżjattivi favur l-ambjent għaliex il-PN jemmen li dan hu settur li jilgħab rwol importanti fuq il-livell tal-ħajja tal-poplu kollu.